Futbol Sport

Draw li ma jikkuntenta lil ħadd

Birkirkara 0-0 Floriana

Birkirkara u Floriana ħadu punt kull wieħed fi draw li ma kkuntenta lil ħadd. Jekk kien hemm tim li kellu jirbaħ inħoss li kienu Floriana għal dak li għamlu fl-ewwel taqsima fejn faċilment seta’ jkollhom vantaġġ doppju.

Birkirkara ddiżappuntaw bil-kbir hekk kif rari kienu perikolużi ħlief għal azzjoni waħda filwaqt li l-logħob tagħhom kien tedjanti għal ħafna ħinijiet. Huma għandhom għaliex iħossuhom fortunati li ma daħlux jistrieħu minn taħt. Il-ħsieb tad-Direttur Sportiv ta’ Birkirkara John Arne Riise li jibdel nofs it-tim wara t-telfa kontra Valletta żgur li ma ħadmitx.

B’dan ir-riżultat Birkirkara issa jinsabu fil-ħames post, erba’ punti taħt Ħamrun Spartans. Floriana fuq in-naħa l-oħra, laħqu lil St. Andrews iżda jinsabu żewġ punti biss fuq il-post tal-play-off.

Lucas Vieira da Silva kellu żewġ opportunitajiet kbar fl-ewwel 11-il minuta. Wara sitt minuti hu rċieva mingħand Edward Herrera iżda minn qagħda tajba xxuttja barra minn quddiem il-lasta.

Ħames minuti wara l-attakkant irċieva kross mix-xellug ta’ Arthur Oyama iżda minn ftit metri bogħod żelaq u ħela l-okkażjoni. Aktar okkażjonijiet għal Floriana fis-26 minuta b’azzjoni personali ta’ Ulises Arias li ntemmet b’xutt li għadda fuq il-lasta.

Żewġ minuti wara, ċans tad-deheb għat-tim Furjaniż meta d-difiża Karkariża nqabdet fuq sieq waħda, Herrera avvanza mil-lemin u kkrossja lejn Vieira da Silva, iżda minn ħalq il-lasta ra x-xutt dgħajjef imdawwar f’korner minn Andrew Hogg.

Floriana komplew juru l-aħjar logħob u fil-35 minuta laqtu l-lasta meta minn free-kick mix-xellug ta’ Arthur Oyama, Enzo Ruiz tar minn tulu iżda d-daqqa ta’ ras stampat mal-mimduda.

Birkirkara baqgħu erratiċi fil-logħob tagħhom u għal ftit ma sofrewx il-gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kien passaġġ lura ħażin ta’ Cain Attard, Vieira da Silva qassam lura fil-kaxxa lejn Jurgen Pisani li prova b’xutt li iżda kien ċentrali u salvat minn Hogg.

It-tieni taqsima kompliet tnaqqas mil-livell, bit-tim ta’ Birkirkara jieħu aktar l-inizjattiva. Id-Direttur Sportiv ta’ Birkirkara John Arne Riise għamel żewġ bidliet fil-ħin tal-mistrieħ fejn daħħal lil Thiago de Souza u Jorge Pereira da Silva.

Inċidentalment kien fl-ewwel attakk serju ta’ Birkirkara li marru viċin li jiftħu l-iskor fit-63 minuta. Johann Bezzina għadda tajjeb mix-xellug lejn is-sostitut Jorge Pereira da Silva li fuq siequ xxuttja mill-ewwel iżda Akpan mirakolożament dawwar f’korner.

Il-ħin kompla għaddej b’ħafna logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd mingħajr mal-gowlkipers kienu impenjati serjament. Mat-tisfira finali, kien hemm sens ta’ diżappunt minn dawk preżenti kif ukoll miż-żewġ settijiet ta’ plejers u staff tekniku, għal punt li ftit jiswa.