Lokali

”F’pajjiżna għandna nies foqra, ma nistħux ngħiduha dik” – Joseph Muscat

‘F’pajjiżna għandna nies foqra, ma nistħux ngħiduha dik’. Dan kien parti mid-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd filgħodu fejn ammetta li f’pajjiżna jinsab fi kriżi tal-faqar, fejn filfatt insibu madwar 2,000 persuna tgħix f’garaxx.

Fejn jidħol il-qasam ta’ propjetajiet soċjali, Joseph Muscat ipprova jiġġustifika l-fatt li s’issa lanqas għadu tela’ apparatament wieħed fil-housing soċjali, billi qal li dawn huma affarijiet li ma jsirux mil-lum għal għada.

Huwa ammetta wkoll kif il-propjeta qed tgħola u ħafna żgħażagħ qed isibuha diffiċli ħafna sabiex jixtru propjeta’. Tenna li ħafna familji qed ikollhom jagħmlu sagriffiċċju u jiddejnu mal-bank , koppji qed ikollhom joħorġu jaħdmu iż-żewġ individwi u familji qed ikollhom inaqqsu mill-ħin ta’ mistrieħ tagħhom dan kollu biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-propjeta’.

Joseph Muscat farfar il-problema soċjali billi qal li Gvern wieħed mhux kapaċi jagħmel u jiffinalizza il-proġett tal-housing waħdu iżda għandu bżonn għajnuna ta’ gvernijiet tal-futur. ‘Naqtgħu fejn naqtgħu se joħroġ id-demm’, jiġifieri il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jilqa’ bil-lest lin-nies billi jgħidilhom li jew isolvi ħaġa jew oħra.

Il-Prim Ministru ammetta wkoll li Gvern Laburista kien jaqbad u jagħti postijiet tal-housing socjali lil nies li wħud minnhom m’għandhom l-ebda każ soċjali iżda riedu jiffrankaw il-flus. Kompla billi sostna li f’pajjiżna hawn ħafna każijiet soċjali u qal li nies b’background problematiku ma jistgħux joqgħodu flimkien.

Sadanittant il-Partit Nazzjonalista qal kif il-Gvern ma semma’ xejn dwar proposti għall-bdiewa għax għall-Gvern Laburista l-biedja ma tikkontribwixxix għall-ekonomija u dan ġie dikjarat fl-aħħar budget. Għall-kuntrarju, l-Partit Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni, diġà ressaq proposti konkreti u studjati li se jgħinu għas-sostenibbilità tal-biedja u l-promozzjoni tal-prodott lokali.