Lokali Saħħa

Ġimgħa mill-mewt suspettuża ta’ raġel fl-Isptar Steward f’Għawdex: Il-file għadu f’idejn il-pulizija

Il-Maġistrat tal-Għassa baqgħet ħallietx il-katavru jindifen biex wara l-awtopsja ta' nhar it-Tnejn, isiru l-aċċertazzjonijiet kollha possibbli... Kien biss ilbieraħ li tħalliet issir id-difna.

Ġimgħa mill-mewt għal għarrieda ta’ raġel fl-Isptar Steward f’Għawdex wara li kien daħal b’infezzjoni f’wiċċu, il-Pulizija għadha fil-pussess tal-file mediku tiegħu biex ikunu stabbiliti b’mod preċiż il-fatti xokkanti li jiċċirkondaw dan il-każ serju.

Mill-ġdid l-Isptar Steward f’Għawdex hu fiċ-ċentru ta’ każ ieħor mill-aktar serju li fiċ-ċentru tiegħu hemm raġel li nhar is-Sibt 2 ta’ Frar, daħal b’uġigħ f’wiċċu u minflok ingħata t-trattament li kellu bżonn, tħalla ċirka ħames sigħat jistenna fil-Casualty tal-istess sptar.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li jirriżulta li dan ir-raġel ta’ 54 sena mir-Rabat, kien iddaħħal għall-kura b’urġenza fl-Isptar Steward u minn dak il-ħin ’il quddiem, seħħew numru ta’ ċirkostanzi bir-riżultat li aktar tard matul il-jum tal-għada l-Ħadd hu tilef ħajtu.

Din il-mewta għal għarrieda ħasdet lill-familjari u l-ħbieb ta’ dan ir-raġel li sas-Sibt filgħodu kien qawwi u sħiħ magħhom u kulma beda jilmenta minnu kien uġigħ f’wiċċu. Fl-Isptar Steward jirriżulta li l-pazjent ma ngħatax attenzjoni mill-ewwel, u tħalla jistenna qatigħ bir-riżultat li l-mikrobi tal-infezzjoni li kellu f’wiċċu jidher li ppenetrawlu fid-demm. Possibbilment ukoll jidher li dik li fil-bidu kienet biss infezzjoni, spiċċat biex infirxitlu mal-ġisem kollu sal-punt li qatlitu.

B’dan il-każ kienet mgħarrfa l-Pulizija ta’ Għawdex, immexxija mis-Supretendent Maurice Curmi, li qed tinvestiga din il-mewta suspettuża fl-Isptar ta’ Għawdex, immexxi minn Steward Healthcare.

Bil-każ kienet infurmata wkoll il-Maġistrat tal-Għassa Joanna Vella Cuschieri li ordnat li ssir inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-Ħadd stess il-katavru tar-raġel intbagħat lejn l-Isptar Mater Dei u l-għada filgħodu saritlu l-awtopsja.

Nifhmu li l-Pulizija ta’ Għawdex diġà bdiet tkellem għadd ta’ persuni biex jgħinuha fl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ meqjus bħala wieħed serju u li sfortunatament, żviluppa fil-mewt ta’ persuna.

Il-Pulizija talbet ukoll il-file mediku ta’ dan ir-raġel li wkoll qed jissokta jkun investigat bit-tama li jkunu stabbiliti b’mod preċiż il-fatti li kkaġunaw din il-mewta xokkanti.

Għawdxin li tkellmu ma’ il-mument urew il-preokkupazzjoni tagħhom dwar t-tali inkjesti, għax qed isiru żewġ inkjesti, waħda bil-Maġistrat tal-Għassa u l-oħra interna – fis-sens li dawn ma jkunux fażulli u jsiru bis-serjetà biex toħroġ il-verità kollha.

Anki l-Maġistrat tal-Għassa ma ħallietx id-difna tal-katavru milli ssir għal jiem sħaħ u kien biss ilbieraħ wara nofsinhar li din saret fir-Rabat, Għawdex.

Tajjeb li jingħad li dwar l-Isptar Steward, il-mument spiss jirċievi ilmenti minn Għawdxin li jmorru għall-kura u jispiċċaw jew ikollhom jistennew ħafna biex jarahom xi tabib, jew inkella jingħataw il-parir li aħjar imorru fil-privat jew inkella jieħdu l-briga u jaqsmu lejn Malta u jirrikorru fl-Isptar Mater Dei. Is-sitwazzjoni fl-Isptar Steward mhi sana xejn bil-vittmi jkunu l-pazjenti Għawdxin.