Hibernians 1-0 Gżira United
Hibernians wieġbu għar-rebħa ta’ Valletta meta fl-aħjar konfront tal-ġimgħa taw l-ewwel telfa lil Gżira United. Ir-rebħa kienet meritata u saħansitra kien ikun ġust magħhom kieku rebħu bi skor akbar.
Il-plejers kollha Pawlisti kellhom logħba tajba speċjalment Jake Grech u Bjorn Kristensen. Għal Gżira jsalva biss il-gowlkiper Justin Haber li salva lit-tim f’diversi okkażjonijiet fl-ewwel taqsima, bl-eċċezzjoni tal-gowl Pawlist li inċidentalment iddeċieda l-logħba.
Apparti li sofrew l-ewwel telfa, Gżira issa ilhom erba’ logħbiet bla rebħa fil-kampjonat u mhux biss jinsabu sitt punti bogħod mill-quċċata, iżda issa għandhom lil Ħamrun Spartans warajhom.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu wara tmien minuti meta l-gowlkiper ta’ Gżira Justin Haber kien kostrett li joħroġ minn postu biex jimblokka fuq Taylon Marcolino. Sitt minuti wara ċans għal Gżira b’Haruna Garba jiftaħ tajjeb lejn Zach Scerri iżda minn qagħda ideali xxuttja għoli.
Okkażjoni fuq in-naħa Pawlista fid-19-il minuta meta Bjorn Kristensen qassam lejn Jake Grech li prova eżatt minn quddiem il-kaxxa iżda x-xutt tiegħu spiċċa fuq il-lasta. Kristensen reġa’ kien importanti biex ħoloq okkażjoni oħra fis-27 minuta. Il-midfielder għadda ballun fit-tul lejn Taylon Marcolino li kkontrolla u xxuttja iżda Justin Haber ħareġ tajjeb u għalaq fil-ħin.
Il-gowlkiper ta’ Gżira reġa’ kien strumentali man-nofs siegħa logħob. Andrei Agius għadda vertikalment fl-ispazju lejn Jake Grech, iżda Haber reġa’ kien attent u salva b’intelliġenza x-xutt fil-baxx.
Il-gowl għal Hibernians kien ilu ġej u wasal meritatament fis-37 minuta. Kien kross mil-lemin ta’ Joseph Mbong, Justin Haber salva mingħajr ma żamm, b’JAKE GRECH ikun pront biex xeħet fix-xibka. Reazzjoni immedjata ta’ Gżira li minuta wara kienu perikolużi b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ Zach Scerri li kien imdawwar f’korner minn Marko Jovicic.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima xutt ta’ Myles Beerman għadda ftit barra filwaqt li Hibernians setgħu rduppjaw bl-aħħar xutt tat-taqsima meta Jurgen Degabriele mix-xellug krossja lejn Taylon Marcolino iżda l-attakkant ma nkwadrax il-lasta minn pożizzjoni tajba.
It-tieni taqsima naqset mil-livell li kellha fl-ewwel 45 minuta, b’Gżira jrażżnu aħjar l-attakki Pawlisti mingħajr ma jimpenjaw serjament lil Marko Jovicic. Fl-64 minuta l-kowċ Gżirjan Darren Abdilla għamel tliet sostituzzjonijiet simultanjament biex jipprova jibdel l-andament tat-tim iżda għajr ftit pressjoni, Jovicic rari kien impenjat.
Hibernians bdew joperaw aktar bil-kontrattakk. Fit-82 minuta Bjorn Kristensen mar viċin li jagħlaq b’xutt perikoluż li għadda kemm kemm fuq il-lasta.
Gżira kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara li fil-91 minuta Fernando Barbosa ntwera t-tieni safra għal fawl fuq Marco Sahanek. L-aħjar okkażjoni ta’ Gżira waslet fit-93 minuta b’xutt insidjuż għar-rokna ta’ Rodolfo Soares li kien imdawwar f’korner bi bravura minn Jovicic.
//= $special ?>