Membri fil-Kabinett u fil-Grupp Parlamentari Laburista nħasdu bid-dikjarazzjoni li għamel il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat meta ammetta li l-pensjonijiet tal-ħaddiema u anzjani Maltin jinsabu mhedda kemm-il darba ma jinġibux eluf ta’ ħaddiema barranin biex jaħdmu f’Malta u jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet.
Il-kliem ta’ Joseph Muscat qajjem paniku sħiħ, b’Ministri jammettu li fil-Ministeri tagħhom irċevew valanga ta’ telefonati kif ukoll persuni li marru jistennewhom deħlin wara l-bibien biex iserrħu rashom li l-pensjoniji tagħhom se tibqa’ tinħareġ.
Sorsi infurmati qalu lil il-mument li dan ġie diskuss ukoll fil-laqgħa tal-kabinett fejn kienu tliet Ministri partikolari li nsistew mal-Prim Ministru biex jikkwalifika kliemu “għax hemm barra hemm rebus,” qalulu.
Id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat ħasdet mhux biss lill-anzjani u lil dawk li jgħixu minn fuq il-pensjonijiet, imma ma niżlet assolutament tajjeb xejn ma’ dawk li waslu għall-pensjoni tagħhom.
il-mument għamlet ukoll kuntatt ma’ sorsi fi ħdan il-Partit Laburista li kkonfermaw li anke fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista marru persuni bir-ragħwa f’ħalqhom biex jieħdu sodisfazzjon. Mara mill-Belt magħrufa bħala Laburista veterana saħansitra għamlet xenata fil-intrata taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tant li ssejjaħ id-Deputat li għalih taħdem fuq id-distrett biex jiġi jikkalmaha.
Tkellimna wkoll ma’ Membru Parlamentari Laburista li qaltilna li l-ġimgħa li għaddiet kellu jiltaqa’ l-grupp parlamentari Laburista biex jiddiskuti l-ħatra ta’ President tar-Repubblika iżda din ġiet posposta propju minħabba din il-kwestjoni tal-pensjonijiet. “Ta’ Kastilja qed jibżgħu li Joseph kien se jkollu kritika qawwija jekk ilaqqa’ l-Grupp u allura mexxew il-laqgħa għal data oħra.”
Anki membri fiċ-Ċivil inħasdu b’tali dikjarazzjoni u ma niżlet tajjeb xejn magħhom. Uffiċjal imlaħħaq ħafna fis-servizz pubbliku li tkellem magħna fuq kundizzjoni li tibqa’ anonima, qalet li din il-pożizzjoni tant delikata u li teffettwa lil kulħadd, l-ewwel kellha tkun trattata f’livelli differenti tal-Gvern u mbagħad ikkomunikata man-nies.
Sadattant, din id-dikjarazzjoni xokkanti ta’ Joseph Muscat tat lok biex dawk qrib il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne jogħxew bl-opportunità preżentata quddiemhom. Fil-fatt, f’chats fuq grupp WhatsApp ta’ persuni li qed jgħinu fil-kampanja ta’ Fearne, saru diversi rimarki fil-konfront tal-Prim Ministru u t-theddida għal pensjonijiet. Saħansitra wieħed minn dawk li kkummenta qal li Chris Fearne għandu joħroġ jikkoreġi lill-Prim Ministru biex jurih li aħjar minnu.
Jidher li ma kenux biss dawk fil-fazzjoni tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li nħasdu b’din id-dikjarazzjoni, imma anki persuni meqjusa fiċ-ċrieki ta’ ġewwa ta’ Kastilja. Dawn ukoll mhux biss ma kenux konsultati minn tali dikjarazzjoni diretta, iżda huma xettiċi ħafna kemm dikjarazzjoni bħal din hi ta’ benefiċċju għall-Gvern Laburista.
Oħrajn enfasizzaw li dak li ried jagħmel Joseph Muscat b’din id-dikjarazzjoni kien li jwassal messaġġ ċar li hu se jibqa’ għaddej bil-politika li tippermetti li eluf ta’ ħaddiema jinġiebu jaħdmu f’Malta… anki jekk l-infrastruttura ta’ pajjiżna fid-diversi aspetti tagħha mhix maħsuba għal tali żieda qawwija fil-popolazzjoni Maltija.
Kastilja issa ilha qatigħ tgħid li hi l-mira tagħha li Malta tattira mas-70,000 ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna u dan, skont hi, bl-iskop li l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber.
Il-ħaddiema barranin f’Malta saru komuni ħafna, forsi għax l-ekonomija sejra tajjeb u għax il-previżjonijiet huma pożittivi. Iżda l-barranin mhumiex qegħdin jiġu jaħdmu f’Malta biss għaliex isibu s-sodda mifruxa f’ċerti setturi, l-aktar ovvji dawk tal-ospitalità u d-divertiment. Skont statistika riċenti pubblikata mill-Eurostat, Malta għandha fost l-ogħla rati ta’ ħaddiema barranin li huma self-employed, jiġifieri li jaħdmu għal rashom.
Fil-fatt, fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha r-raba’ l-ogħla rata ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi (jiġifieri barra mill-Unjoni Ewropea) li għandhom in-negozju tagħhom, u anke t-tieni l-ogħla rata ta’ ħaddiema self-employed li ġejjin minn pajjiżi oħra membri.
Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda urtat ukoll lil ħafna Laburisti ġenwini li staqsew jekk dan hux ir-rikonoxximent tal-Prim Ministru lejn min ħadem u stinka u dejjem ikkontribwixxa l-parti tiegħu b’risq il-kaxxa ta’ pajjiżna.
Fost dawk li fil-jiem li għaddew esprima r-rabja tiegħu kien hemm ċertu Simon Borg, persuna li tiddeskrivi lilha nnifisha bħala Laburista ġenwina, li fi sfond bir-ritratt tal-Perit Mintoff staqsiet: “Fejn qegħdin imorru l-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema Maltin li qed iħallsu ghall-pensjoni tagħhom Sur Prim Ministru?”
Fil-messaġġ tiegħu fuq Facebook, Simon Borg insista li l-Prim Ministru jmissu jistħi, u saħaq li l-ħaddiem Malti “hu mneżża’ minn kull dinjità tax-xogħol, anke dik li jgħid li kontribwixxa għall-pensjoni tiegħu hu stess.”
L-istess dikjarazzjoni tal-Prim Ministru sabet ukoll il-kundanna ta’ diversi entitajiet oħrajn li stmerrew bil-qawwa kollha d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ħadd 3 ta’ Frar f’Birkirkara meta ddikjara li: “Meta tgħid li ma tridx barranin, qisek qed tgħid li ma tridx pensjoni” u li “mal-laħam trid tieħu l-għadam.”
Il-pensjonanti Maltin u Għawdxin jaħdmu u jistinkaw għal aktar minn 45 sena biex jieħdu l-pensjoni li ħaqqhom bi dritt. M’għandu jkun hemm l-ebda Prim Ministru li jċaħħadhom minn dak li jkunu ilhom iħallsu għalih b’eluf kbar ta’ ewro kull sena. “Hi verament għarukaża li gvern li suppost jiftaħar li hu tal-ħaddiema, u li fl-imgħoddi kien jiftaħar li kien hu li daħħal il-pensjoni f’pajjiżna, iġibna issa niddependu mill-barranin biex inkunu nistgħu nieħdu dak li hu tagħna.
“Din mhix għajr ammissjoni ċara li dan il-Gvern m’għandux pjan kif jiġġenera l-ġid li jirrendi finanzi sodi li bihom ikun jista’ jħallas il-pensjonijiet ħlief il-bejgħ tal-passaporti lil miljunarji dubjużi u l-importazzjoni bla rażan ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema kull sena.”
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, kienet għaqlija d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li matul din il-ġimgħa qal li: “Jekk hemm anomalija fil-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari din trid tkun irranġata, iżda l-ikbar obbligu li għandu Joseph Muscat hu li jsaħħaħ il-pensjonijiet tal-anzjani kollha.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kwota wkoll statistika tal-Eurostat li turi kif aktar minn 22,000 tal-anzjani Maltin u Għawdxin jinsabu fir-riskju tal-faqar.
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju hu stieden lil Joseph Muscat biex minnufih jibda diskussjoni biex il-pensjonijiet jissaħħu. Dan għaliex mhux aċċettabbli li fis-soċjetà jkun hawn anzjani li jgħixu fil-faqar għaliex l-anzjani jixirqilhom l-aħjar.
//= $special ?>