Lokali

Il-Miġja ta’ San Pawl imfakkra permezz ta’ Quddiesa Solenni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna

Missierna San Pawl jitkellem dwar soċjeta’ diversa ta’ min hu bil-ġuħ u min hu mejjet fis-sakra. Hemm bżonn li wieħed jimpurtah mill-proxxmu tiegħu jekk irid jersaq lejn l-Ewkaristija.

Dan qalu l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta waqt il-priedka tiegħu fil-Quddiesa Pontifikali fil-Knisja ta’ San Pawl il-Belt, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Festa Nazzjonali.

Fil-preżenza ta’ għadd ta’ persuni distinti fosthom tal-Eċċelleza Tagħha, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, Ministri, Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, s-Sindku tal-Belt Christian Micallef u diversi persuni distinti oħra, l-Arċisqof tkellem dwar il-ħajja u r-relevanza li għadha teżisti bejn dak li kien jippriedka San Pawl elfejn sena ilu u llum.

L-Arċisqof saħaq ukoll dwar l-importanza tar-responsabbilità ta’ kull nisrani li naraw li ma jkunx hawn sofferenza u li naġixxu meta naraw lil min qed ibati.

Saħaq dwar kif l-Ewkaristija għadha ċentrali f’ħajjet in-Nisrani biex twassal għall-ġustizzja u qal li l-fidi li ġab San Pawl mhix kwistjoni ta’ folklor iżda hija ċentrali għal twemmin tagħna u l-Ewkaristija twassalna biex nibqgħu ngħixu din il-fidi.

Appella wkoll biex il-knejjes ma narawhomx bħala mużewijiet tal-irħam u arti famuża, imma jkunu l-maqdes ħaj fejn l-Insara jiltaqgħu ma’ Kristu. Huwa qal li hemm bżonn li l-ġenerazzjonijiet futuri nħallulhom Knejjes ta’ Kristu, u fejn hemm iwieġbu għas-sejħa nisranija għal ġid tal-kommunita.

L-Arċisqof Scicluna qal ukoll li ma hemm l-ebda dubju li missierna San Pawl ġie fostna. Ħadd mgħandu jiddubita dan, u jekk wieħed jatra kif seħħew l-affarijiet, mill-ewwel jasal għal konklużjoni, li San Pawl ġie jżurna bil-Maltin jagħtuh laqgħa ferm ospitabbli.

Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ San Pawl kompliet fit-toroq tal-Belt Valletta bil-marċ brijuż kif ukoll bil-purċissjoni bil-vara ta’ titolari ta’ San Pawl.

Ikkummenta