Sindku ieħor Laburista din il-ġimgħa kompla jikxef dak li għaddej fi ħdan il-Gvern ta’ Joseph Muscat u jixħet il-melħ fuq il-ferita li qed ibatu minnha wkoll kunsilli lokali b’maġġoranza Laburista hekk kif qed tiggrava l-imġiba arroganti tal-gvern fil-konfront tal-kunsilli lokali – issa anke dawk b’maġġoranza Laburista.
L-intervista ta’ Sergio Mallia li xxandret fuq NET TV fil-programm 10Q ta’ din il-ġimgħa, kompliet tikxef l-arroganza tal-Gvern ta’ Muscat fil-konfront ta’ dawk li mhumiex midħla tal-klikka ta’ Kastilja.
Is-Sindku Laburista, Cħarles Azzopardi, li hu rispettat ħafna fil-lokalità li hu jmexxi tar-Rabat Malta, u li ilu jimmilita fil-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 20 sena, laqqata wkoll mill-Partit Laburista li ma jridux jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej biex jagħmel spazju għal xi ħadd li jistgħu jiġbdulu l-ispaga minn kastilja.
Sindku għal dawn l-aħħar sitt snin, Cħarles Azzopardi jemmen li kien bniedem ġenwin, ħadem għall-partit, immilita fil-partit għal dawn is-snin kollha u dejjem baqa’ jħares il-prinċipji li sawruh. Iżda ddikjara mingħajr tlaqliq li “jekk tkun bniedem twajjeb u timxi korrett, postok mhux fil-Partit Laburista”.
Waqt li kien intervistat fil-programm 10Q, is-Sindku Laburista ddikjara li “Jekk inti titlef il-prinċipji tiegħek, tkun begħt lilek innifsek”, waqt li qal li kontrieh sar kumplott moqżież min-nies tal-istess partit tiegħu u li kien ħadem magħhom.
Id-dikjarazzjonijiet li għamel fuq NET TV jikxef f’liema livell arroganti jinsab fih il-Partit Laburista li llum taħt it-tmexxija prezenti m’għadux partit iżda sar moviment li telaq ’il bogħod mill-prinċipji li sawruh u kif illum is-suldati tal-azzar qegħdin hemm biex jaqdu lill-familja tagħhom.
Is-Sindku tar-Rabat jikkonferma wkoll li l-Gvern ma’ ċerti lokalitajiet jimxi mod u ma’ oħrajn jimxi mod ieħor. Skont is-Sindku stess, il-Partit Laburista ħadem bi skop ċar biex iżommuh milli jaħdem għal-lokalità, b’konsegwenza li jispiċċaw ibatu r-residenti.
Azzopardi jgħid li jekk tkun bniedem twajjeb u timxi korrett, postok mhux fil-Partit Laburista.
Il-vuċi tas-Sindku Laburista tar-Rabat tingħaqad ma’ aktar vuċijiet li fl-aħħar ġimgħat u xhur ikkritikaw lill-Gvern bil-qawwa kollha. Burraxka ta’ kritika lejn il-Gvern għas-sitwazzjoni attwali tal-Kunsilli Lokali saret f’laqgħa tas-Sindki fil-Parlament lejn l-aħħar tax-xahar li għadda.
F’din il-kritika Sindku Laburista ieħor, Mario Calleja li jmexxi l-maġġoranza Laburista f’Marsascala, iddikjara li biex tinqeda mingħand id-Dipartiment tal-Gvern irid ikollok il-ħbieb tiegħek jaħdmu hemm. Kritika oħra f’dik is-seduta speċjali fil-Parlament saret mis-Sindki Laburisti tal-Qrendi, Birżebbuġa, tal-Furjana u tal-Birgu, li ħafna minnhom igawdu rispett mir-residenti fil-lokalità.
Is-Sindku tal-Birgu John Boxall kien stqarr li ra mumenti fejn iddubita spiċċax minn Sindku jew jekk għadux jeżisti l-Kunsill Lokali.
Din hi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha numru kbir ta’ kunsilli lokali – saħansitra anke b’maġġoranza Laburista minħabba li ma jkunux tal-qalba f’Kastilja u fiċ-ċrieki tal-kamp Laburista.
//= $special ?>