Lokali

“Kieku għandi l-mezzi finanzjarji niftaħ kawża biex id-drittijiet tiegħi jitħarsu u ma nkunx trattat ta’ żibel” – Ittra minn priġunier dwar is-sitwazzjoni fil-Ħabs ta’ Kordin

It-tielet u l-aħħar parti ta' ittra twila minn priġunier fil-Ħabs ta' Kordin. Dan hu t-test sħiħ ta' din it-tielet parti ta' din l-ittra li kienet ippubblikata fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta Il-Mument.

Għażiż Joe,

Inkompli fejn ħallejt il-ġimgħa l-oħra (illum it-tielet u l-aħħar parti) u ngħidlek li bosta minna l-priġunieri li m’aħniex ningħataw trattament b’dinjità fil-Ħabs ta’ Kordin, nixtiequ li s-sitwazzjoni tinbidel u ma nibqgħux inkunu stmati ta’ żibel. Ngħid għalija, kieku jien għandi l-mezzi finanzjarji kont niftaħ kawża fil-Qorti biex id-drittijiet tiegħi jitħarsu u mhux inkun trattat ħażin u b’mod mill-aktar abbużiv.

Għalfejn għandi ninqafel għal numru ta’ jiem f’ċella f’Diviżjoni Sitta li lanqas biss hi tajba għall-annimali? Għaliex għadhom jintużaw ċelel kollhom umdità, kesħa u bl-ilma nieżel minn mal-ħitan? Għalfejn priġunieri għandhom ikunu indirizzati bi kliem ħażin, baxx u pastaż? Għaliex priġunier li jkun ma jiflaħx, ħadd ma jagħti kasu u jitħalla jmut fiċ-ċella fejn ikun?

Sitwazzjoni għal kollox inaċċettabbli

Is-sitwazzjoni fil-Ħabs saret waħda inaċċettabbli ħafna. It-tmexxija tal-Ħabs tiddiskrimina bejnietna l-priġunieri. Lil min lest li jilgħaqha tivvantaġġjah, issiblu xogħol u taġevolah. Lill- oħrajn li jgħidu l-verità tgħakkishom u litteralment tinjorahom u tipprova ssib kull skuża biex tikkastigahom.

Nista’ ngħidlek li kemm-il darba bejnietna l-priġunieri tkellimna dwar kif nistgħu nirreaġixxu dwar l-abbużi li ngħaddu minnhom, iżda l-problema hi li m’għandniex flus biex nikkumbattu fil-Qorti ħalli d-drittijiet tagħna jibqgħu mhux mittiefsa. Hawn ġew hawn priġunieri mgħaffġin… mgħaffġin mit-tmexxija tal-Ħabs u mgħaffġin finanzjarjament u għalhekk m’għandhomx il-mezzi biex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

Grazzi għall-inizjattivi tiegħek fil-media fl-aħħar ġimgħat, hemm barra nħarġet il-verità dwar dak li ngħixu ta’ kuljum hawnhekk. Naturalment persuni fit-tmexxija tal-Ħabs mhuma jieħdu gost assolutament xejn b’dak li qed jingħad dwar hawn ġew u qed jagħmlu ħilithom kollha biex jipprovaw jagħtu stampa differenti.

Diskriminazzjoni sfaċċata

Ħalli nirrakkontalek eżempju sfaċċat ta’ diskriminazzjoni bejn il-priġunieri. Aħna din insejħulha pastażata manja li qed issir bil-barka ta’ persuni fit-tmexxija tal-Ħabs. Mela hawn priġunier li jagħmel xogħol għal rasu, xogħol maħdum bl-idejn u dan ix-xogħol jinbiegħ barra l-Ħabs.

Dan il-priġunier kull nhar ta’ Ħadd joħroġ mill-Ħabs, mill-Gate House, u jmur ibigħ l-oġġetti li jkun ħadem. Ma għandux limitu kemm jaqla’ flus. F’idejh dan għandu għodda li aħna nqisuha perikoluża li tinżamm f’post fil-Ħabs fejn iċ-ċavetta tinżamm għand l-istess priġunier. Aħna l-priġunieri dwar dan il-priġunier nistaqsu ħafna mistoqsijiet.

Fost l-oħrajn nistaqsu kif jitħalla jidħol fil-kċina u  jieħu dak kollu li jkun irid. Saħansitra jitħalla jsajjar dak li jkun irid. U kif dan il-priġunier ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu ikel iffriżat? Għaliex id-Direttur ma’ dan il-priġunier jimxi b’dan il-mod?

Il-ħajja tal-priġunier mhix apprezzata

Niġi issa għall-apprezzament tal-ħajja tagħna l-priġunieri. Għaliex mhemmx kontroll kif jinħarġu l-pilloli li jkollna bżonn aħna l-priġunieri. Donnu bosta drabi l-pilloli jingħatawlna qishom xi ħelu… l-importanti li aħna noqogħdu kwieti. Nista’ ngħidlek li l-pilloli jingħataw irrispettivament jekk intix priġunier f’sensik jew intix priġunier meqrud.

U aħna nistaqsu: Kemm-il ħajja oħra se tintilef fil-Ħabs għaliex l-affarijiet mhumiex isiru sew? U l-isfortuna hi li ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li qed jiġri. Jewwilla ħajja waħda mhix diġà ħafna? Aħseb u ara li bħal donnu li t-telf tal-ħajjiet fil-Ħabs sar xi ħaġa mhux daqstant rari!

Għaliex il-Ħabs hu nieqes minn tant persuni professjonali? Fejn huma l-NGOs? Għaliex aħna l-priġunieri nduru għall-għajnuna professjonali u ma nsibuhiex? Għaliex priġunier jaqa’ fis-solitudni u jispiċċa bil-vizzju tad-droga meta qatt qabel ma jkun daqha? Għaliex aħna l-priġunieri meqjusa biss numri?

Daħku bil-President ta’ Malta

Fil-Milied ġiet il-President ta’ Malta bħal kull sena. Urewha biss dak li jaqblilhom. Iva l-President ta’ Malta u dawk kollha madwarha ma jindunawx li qed ikunu mgħoddija biż-żmien? Għaliex ma ħaduhiex fid-Diviżjonijiet kollha? Ma dawruhiex mal-priġunieri kollha? Għaliex żjara kożmetika ta’ ftit minuti biss biex imbagħad isir kapital minnha biex jinġabru flus għall-Istrina? Aħna l-priġunieri dejjem ikkontribwejna għall-Istrina. Iżda għalina l-priġunieri l-Presidenza x’qatt ikkontribwiet? U ż-żjara fil-Ħabs saret lil min imexxi l-Ħabs jew lilna l-priġunieri? Jekk dik iż-żjara saret biex il-President tiltaqa’ magħna l-priġunieri, allura jisgħobbija ngħid li jien lill-President, kemm ilni hawn ġew, qatt ma rajtha b’nemes!

Fejn hu l-Prim Ministru? Fejn hu l-Ministru tal-Intern? Għaliex dan jidher biss meta jaqta’ xi żigarella jew iqassam xi ċertifikat? Mhux kulħadd, ċioè mhux kull min hu ġenwin u onest jaf li hawnhekk hawn sitwazzjoni tal-mistħija li ma tixraqx lil ħafna priġunieri?

Mhux kulħadd xi darba jew oħra jiżbalja? Jien u oħrajn żbaljajna, inqbadna u ninsabu hawn ġew inħallsu tal-iżball li għamilna. Allura għaliex xi persuni fit-tmexxija tal-Ħabs jarawna koroh u hemm bżonn li jżidu jżebilħuna u jittrattawna ħażin? Fejn huma l-għaqdiet tad-drittijiet tal-bniedem?

Priġunieri jsofru l-vendikazzjonijiet

Hawnhekk lanqas nitkellmu bejnietna ma nistgħu għaliex jiċċombawk li trid tagħmel il-ħsara u jkollok tbati l-konsegwenzi. Aħna nsofru wkoll il-vendikazzjonijiet. Min ma jitkellimx favur it-tmexxija tal-Ħabs stenna li se jaqla’ fuq wiċċu… hu u l-familjari tiegħu.

Kull darba li toħroġ xi storja dwar il-Ħabs, min imexxi jinfexx f’dagħdigħa biex jipprova jaqbad lil min. Anki l-Gwardjani jafu dan tajjeb ħafna u meta jitkellmu, jitkellmu b’ħafna biża’.

Il-Gvern jiftaħar li rigward il-Ħabs għamel ħafna suċċessi. Saħansitra jixtri programmi fuq it-televiżjoni biex joqogħdu jiftaħru bil-Ħabs u jgħidu kemm saru affarijiet tajba. Jien tlift il-fiduċja f’ħafna preżentaturi li jippuppaw sidirhom biex jipprovaw jimpressjonaw lill-udjenzi tagħhom imma mbagħad ma jkunux qed iwasslu l-istampa veritiera ta’ hawn ġew.

Hawn ġew sar post ta’ bullying, ta’ diskriminazzjoni, ta’ abbuż, ta’ kliem oxxen u ħażin, ta’ persuni jiġru bl-armi fuqhom; post tat-traffikar tad-droga tant li qatt daqs illum ma kien hawn droga fil-Ħabs… hawn sar post li tista’ tiddeskrivih b’kull mod iżda li mhux xi tip ta’ riabilitazzjoni għalina l-priġunieri.

Il-Gvern u min imexxi ma jimpurtahx minna. Lest jiddefendi lill-annimali, iżda mhux lest jassigura li aħna ma nkunux abbużati u umiljati. Minħabba f’dan kollu ma aħniex inbatu aħna biss. Imma qed ibatu wkoll il-familji tagħna, uliedna. U dawn kollha ma jaħtu xejn.

Aħna mhux lesti għall-ġlied

Aħna l-priġunieri ma aħniex għall-ġlied u qed jiżbalja min joqgħod jipprovokana… bl-armi… bil-kliem ħażin… bl-uniformi sewda… u b’ċerti tattiċi li jbeżżgħu.

Hawn ġew nies professjonali fid-diversi oqsma tagħhom għandna bżonn, li jgħallmuna nirrispettaw lil xulxin u li jgħallmuna nħobbu lil xulxin u li jedukawna.

Jalla din l-ittra twila miktuba minn qalbi u li tirrifletti dak kollu li qed jiġri hawn ġew, isservi biss biex aħna l-priġunieri nkunu trattati kif suppost u b’dinjità.

Grazzi