Lokali

Neville Gafà f’laqgħa urġenti mal-Prim Ministru f’Burmarrad

Neville Gafà ifisser qasma ċara oħra bejn ta’ Kastilja mmexxija minn Keith Schembri, u ta’ Chris Fearne

Nhar il-Ħadd li għadda, wara l-attività ta’ kull nhar ta’ Ħadd organizzata mill-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ b’urġenza maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u ma’ Neville Gafà li hu konsulent f’Kastilja minkejja li mkeċċi mill-Ministeru tas-Saħħa mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Din il-laqgħa partikulari, li saret f’residenza f’Burmurrad, saret kmieni waranofsinhar u baqgħet għaddejja għal madwar 55 minuta b’Keith Schembri u Neville Gafà joħorġu flimkien minn din ir-residenza.

Mhux magħruf il-kontenut ta’ din il-laqgħa li sorsi li tkellmu ma’ il-mument iddeskrivewha bħala waħda ta’ urġenza mill-mod kif Keith Schembri u Neville Gafà dehru deħlin f’din ir-residenza.

Barra minn hekk, fi tmiem il-laqgħa Neville Gafà xejn ma deher kuntent, anzi  kellu xejra ta’ wieħed inkwetat ħafna.

Neville Gafà bħalissa hu fiċ-ċentru tal-iskandlu kbir dwar il-ħruġ tal-visas mediċi lil għadd kbir ta’ Libjani u Alġerini. Il-każ ta’ Neville Gafà quddiem il-Qorti Maltija mistenni jissokta fil-ġimgħat li ġejjin meta xhieda Libjani mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom jew billi jiġu fiżikament Malta jew inkella permezz ta’ skype jekk iħossu li hu ta’ sogru wisq li jidħlu f’pajjiżna wara li ġew mhedda biex ma jixhdux.

Neville Gafà kien rappurtat li mar il-libja biex jipprova jagħmel kuntatt ma’ dawn il-persuni. Waqt li qal li mar hemm fuq btala, sar magħruf li quddiem dawn ix-xhieda hu preżenta ruħu bhala uffiċjal tal-Gvern.

Kollox jindika li l-morsa madwar Neville Gafà issa qed tagħfas sew u ftit jidher li hemm minn fejn jista’ jiżgiċċa. Iżda minkejja dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ joffri ħajt ta’ kenn lil Gafà, saħansitra ltaqa’ miegħu u ma’ Keith Schembri bil-moħbi l-Ħadd li għadda.

Fil-ġimgħat li għaddew kompliet toħroġ il-qasma interna li teżisti fil-Partit Laburista, prinċipalment bejn ta’ Kastilja u ta’ Chris Fearne hekk kif ħareġ fl-apert kif ta’ Kastilja u ta’ Chris Fearne huma fuq fronti opposti għal ta’ xulxin dwar dan Neville Gafà.

Il-kwistjoni ‘Gafà’ u l-mod kif kienet trattata minn ta’ Kastilja u mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne wriet li filwaqt li Joseph Muscat lest li joħroġ għonqu għal nies b’dell tqil ta’ allegazzjonijiet marbuta ma’ korruzzjoni u prattiċi irregolari, Chris Fearne qiegħed juri li hu mhux lest jiċċappas ma’ dawn it-tip ta’ nies.

Joseph Muscat issa ilu għal dawn l-aħħar xhur u snin joħroġ għonqu bl-aktar mod sfaċċat għal ċerti persuni li fuqhom hemm imdendla ħafna mistoqsijiet u allegazzjonijiet… il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, Neville Gafà u oħrajn.

Chris Fearne fir-rigward ta’ dawn kollha għandu riservi kbar ħafna. Fil-Partit Laburista hu sigriet magħruf li kemm-il darba jkun fit-tmun tal-Partit Laburista Chris Fearne, u allura anki Prim Ministru, dawn in-nies u oħrajn b’dellhom tqil ma kellhomx posthom madwaru.

Iżda ta’ Kastilja jidher li mhux se joqogħdu b’idhom fuq żaqqhom tant li minn ftit tal-ġimgħat ’l hawn bdew kampanja kontra Fearne fi gruppi ta’ WhatsApp bil-għan li jħammġu r-reputazzjoni ta’ Chris Fearne. L-istess allegazzjonijiet spiċċaw rappurtati wkoll f’The Times of Malta u fl-Illum minn ‘ġurnalisti’ magħrufa li huma qrib ta’ Kastilja.

Dak li ġara fil-ġimgħat li għaddew fil-kwistjoni ‘Gafà’ kompla jixħet aktar dawl fuq dan il-konfront dirett bejn ta’ Kastilja u dawk ta’ Chris Fearne. Hu evidenti li Neville Gafà jfisser qasma ċara oħra bejn ta’ Kastilja u ta’ Chris Fearne.

Hu sigriet magħruf kif Neville Gafà hu wieħed mill-preferuti tul il-leġiżlatura li għaddiet kif ukoll t’issa. Dan bil-barka ta’ Kastilja li aġevolatu kemm-il darba minkejja li l-istess Neville Gafà kien u għadu fiċ-ċentru tal-iskandlu fl-allegazzjonijiet dwar ħruġ tal-Visa Mediċi lil għadd kbir ta’ persuni Libjani.