Lokali

Oppożizzjoni li taħdem fl-interess tal-poplu, fl-interess tan-negozji u fl-interess taż-żgħir

L-Oppożizzjoni titlob biex id-direct orders għat-tindif f’San Vinċenz jiġu investigati

“L-Oppożizzjoni se titlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga s-sensiela ta’ direct orders li ngħataw għat-tindif f’San Vinċenz lill-istess kuntrattur.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li d-direct orders għat-tindif f’San Vinċenz ma sarux fl-aħjar interess tal-poplu, u lanqas ma saru fl-aħjar interess tal-negozji l-oħra meta ma kienx hemm proċess tat-tenders. Dan meta kumpanija waħda li kellha toffri s-servizz tat-tindif b’mod temporanju għal ftit xhur, spiċċat biex ingħatat €9 miljun fi tliet snin. Huwa qal li dawn id-direct orders ma sarux fl-aħjar interess tal-poplu u ggwadanjaw il-ftit.

Adrian Delia qal li l-Gvern kien kostrett jirtira d-deal ħażin li bih kien se għaddi medda kbira ta’ art pubblika f’San Ġiljan bix-xejn lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini. Dan il-ftehim li għamel il-Gvern ma kienx fl-aħjar interess tal-poplu. Huwa qal li meta hawn min m’għandux saqaf fuq rasu, l-Partit Nazzjonalista ma jistax jippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini. Il-Kap tal-PN qal li ma kull ġurnata li bdiet tgħaddi, aktar individwi u organizzazzjonijiet ingħaqdu magħna u bil-pressjoni tal-Oppożizzjoni, l-Gvern kellu jċedi. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li jsir negozju għas-skapitu tal-poplu Malti, kif ġara fil-każ tal-għoti tat-tliet sptarijiet lil Vitals.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li taħt il-Gvern Laburista, l-familji qed jinsterqu mill-art pubblika tagħhom imma wkoll b’kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u aktar spissi. Dan ġie kkonfermat ukoll fil-Qorti, li ma laqgħetx l-argumenti preliminari li ppreżentaw l-avukati tal-ARMS dwar il-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex dan is-serq fil-kontijiet jispiċċa u jekk il-Gvern mhux lest li jagħmel dan, Gvern Nazzjonalista ġdid se jrodd lura lill-familji l-flus kollha li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.