Lokali

SIMULEX 19 – Simulazzjoni ta’ terremot b’voluntiera ta’ nazzjonalitajiet differenti jsalvaw 25 vittma

Il-Ħadd filgħodu ntemmet SIMULEX 19, li hija simulazzjoni ta’ salvataġġ ta’ 24 siegħa organizzata mill E.F.R.U.

Il-voluntiera ħadmu biex iħejju din is-simulazzjoni fejn ipparteċipaw madwar 70 ruħ minn 14-il tim ta’ voluntiera tas-salvataġġ minn pajjiżi Ewropej.

L-eżerċizzju kien jikkonsisti f’simulazzjoni ta’ terremot fil-gżejjer Maltin, fejn il-voluntiera kellhom jidentifikaw u jsalvaw 25 vittma permezz ta’ tekniki tal-Urban Search and Rescue u salvataġġ bi ħbula.

Minkejja li jitkellmu b’ilsna differenti, il-voluntiera ħadmu flimkien bil-għan li jirfinaw il-ħiliet tagħhom, biex fil-futur ikunu jistgħu jassistu f’każijiet ta’ emerġenza

NET News tkellem ma’ wieħed mill-volontiera li huwa mill-Portugal.

It-timijiet li pparteċipaw, li ġejjin minn 8 pajjiżi Ewropej huma membri tal-EVOLSAR, l-Assoċjazzjoni Ewropea għal timijiet ta’ voluntiera tal-protezzjoni ċivili. L-EFRU hija waħda mill-fundaturi ta’ din l-assoċjazzjoni.

L-EVOLSAR għandha l-għan li jkollha grupp ta’ timijiet voluntiera Ewropej li jitħarrġu flimkien f’dixxiplini differenti tal-protezzjoni ċivili, biex b’hekk ikunu jistgħu jassistu bħala grupp wieħed meta tinqala’ xi diżgrazzja f’xi pajjiż ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew xi pajjiż ieħor skont il-bżonn.