Lokali

Wara li tqabbad jiddefendi lill-Bank Ċentrali: Stagno Navarra jiffanga f’direct orders waqt li dawk li ffroda jibqgħu b’xejn

Karl Stagno Navarra mċaħħad milli jikkontesta għall-MEP f'isem il-Partit Laburista għaliex ma hux fdat, xorta qed jingħata l-għexieren ta' eluf ta' ewro biex jipprova jtaffi xi ftit mid-djun li għandu akkumulati

Il-preżentatur ta’ One TV Karl Stagno Navarra jibqa’ fiċ-ċentru ta’ aktar kontroversji wara li tqabbad mill-Partit Laburista biex jiddefendi lill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Jidher li persuni fil-Partit Laburista li ma riduhx kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs issa qed jgħaddu informazzjoni sensittiva dwaru biex ma jħalluhx jieħu konsulenza oħra ta’ eluf ta’ ewro fil-Bank Ċentrali.

Kien il-programm ‘Sorsi Infurmati’ fuq NET TV li żvela fatti xokkanti dwar dak li qed jiġri f’din l-istituzzjoni importanti, liema storja għadha ma ntemmitx. Iżda l-aġir ta’ Stagno Navarra qajjem suspetti fost dawk li ma jriduhx ma’ saqajhom fil-Partit Laburista għaliex jafu sew kif u għaliex Stagno Navarra tneħħa mill-Partit Nazzjonalista meta kien impjegat tal-media. Dawk li tkellmu magħna qalulna li Stagno Navarra bilfors li qed jara gwadann mill-Bank Ċentrali biex ħareġ jiddefendi u jattakka b’dak il-mod. Is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tiegħu ma tħalliehx għajr li jaħtaf kulma jista’ biex jagħmel tajjeb għall-ħajja lussuża li jħobb jgħix fiha minkejja li ħafna qed jistennew li jitħallsu flushom lura mingħand Stagno Navarra minkejja li rebħulu kawżi fil-qorti.

Kien f’dan l-isfond li l-ġimgħa li għaddiet, informazzjoni sensittiva ħafna għaddiet għand il-ġurnal The Times of Malta u li fiha kien żvelat li Karl Stagno Navarra qed jieħu b’għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’direct orders minn Transport Malta.

Kollox jindika li l-preżentatur ta’ One qed ikun megħjun direttament mill-Gvern ta’ Joseph Muscat biex jipprova jħallas xi ftit mid-djun kbar akkumulati matul is-snin. Bosta huma n-nies u l-kumpaniji li ngidmu u kienu ffrodati minn Karl Stagno Navarra sal-punt li diversi każi minn dawn issa jinsabu quddiem il-Qrati Maltin.

Iżda minkejja li jidher kuljum fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista One, mhux magħruf b’liema mod qed jitħallas għas-servizzi tiegħu. Dan joħroġ minn investigazzjonijiet li saru minn persuni li għandhom jieħdu mijiet fi flus mingħandu iżda meta marru biex jagħmlu mandat ta’ sekwestru fil-konfront tiegħu sabu li Karl Stagno Navarra mhux reġistrat bħala impjegat mal-istazzjon ONE.  Dan jidher li qajjem kunflitt fl-istazzjon ONE b’maniġers jheddu li huma mhux se jħammġu isimhom għal wiċċ Stagno Navarra.

Li hu fiċ-ċert hu li Karl Stagno Navarra qed jingħata direct orders mill-Gvern, fosthom permezz ta’ Transport Malta u Malta Enterprise, iżda għalkemm dan qed isir biex ikun jista’ jħallas id-djun jidher li ħadd minn dawk li fittex lil Stagno Navarra mhu qed jieħu flusu lura.

Matul din il-ġimgħa rriżulta li fl-aħħar sitt xhur tas-sena l-oħra, Transport Malta ħarġet madwar €5 miljun f’direct orders u f’pagamenti oħra. Fosthom hemm ta’ Karl Stagno Navarra.

Fost l-oħrajn hu nnutat li ħafna mis-servizzi mogħtija minn Transport Malta saru lil kumpaniji li kellhom u għandhom konnessjoni mal-amministrazzjoni Laburista.

Jispikka f’din il-lista ta’  direct orders il-preżentatur tal-One  Karl Stagno Navarra, li tħallas is-somma ta’ €21,000 f’darba minn Transport Malta għal xogħol ta’ konsulenza fil-media.

Il-ħatra ta’ Karl Stagno Navarra bħala Consultant Media Coordinator ma’ Transport Malta ftit tax-xhur ilu kienet iġġorr magħha ħlas ta’ €1,500 fix-xahar li fl-aħħar tas-sena tammonta għal eluf ta’ ewro.

Għal dik il-kariga partikulari sorsi li kienu tkellmu ma’ il-mument kienu qalulna li safejn jafu huma ma kienet inħarġet l-ebda sejħa għal dawk interessanti f’dan ir-rwol fi ħdan Transport Malta. Fil-fatt hu verament kurjuż il-fatt kif l-għażla waqgħet fuq Karl Stagno Navarra għal tali impenn li għadu mhux ċert jekk kienx affiljat ma’ Transport Malta fuq bażi ta’ persuna ta’ fiduċja wara xi tip ta’ sejħa pubblika.

Kumbinazzjoni dan sar ukoll fl-istess waqt li ta’ Kastilja riedu li l-istess Karl Stagno Navarra jingħalaqlu ħalqu invista tad-diżappunt tiegħu li ma kienx approvat bħala wieħed mill-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni ta’ Mejju għall-għażla tal-Membri Parlamentari Ewropej.

Transport Malta u Kastilja żammew mistura ħafna l-aħbar li l-preżentatur ta’ One TV kien ingħata din il-ħatra li ġġorr magħha dħul ta’ eluf ta’ ewro. Filwaqt li kollox sar inkiss inkiss, kienu tqajmu numru ta’ mistoqsijiet dwar din il-ħatra, fosthom dwar dettalji li jemerġu mill-kuntratt tax-xogħol li suppost sar mal-istess Karl Stagno Navarra.

Mistoqsijiet oħrajn jirrigwardaw ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigħat li se jkun qed jaħdem, it-tip ta’ xogħol u anki lejn min se jkun qed jirrappreżenta.

Karl Stagno Navarra diġà kien ingħata mill-Gvern xogħol ieħor fl-Aġenzija tal-Gvern Malta Enterprise.

Minn investigazzjonijiet li għamel il-mument dwar Karl Stagno Navarra, jirriżulta li dan hu mfittex minn għadd ta’ persuni li gidimhom eluf jew mijiet ta’ ewro, saħansitra b’ċekkijiet foloz mogħtija mill-istess Karl Stagno Navarra.

Fl-aħħar xhur biss Karl Stagno Navarra diġà kien imfittex minn numru ta’ persuni privati għal flushom wara li dan ingannahom. Fil-fatt l-istejjer fil-Qorti dwar sekwestri lil Karl Stagno Navarra, preżentatur ta’ programm fuq l-istazzjon Laburista One,  baqgħu jakkumulaw… fosthom b’sekwestri friski ta’ aktar minn €5,800 mill-eks mara tiegħu u aktar minn €4,000 minn Vodafone Malta Limited.

Dawn l-istejjer uffiċjali fil-Qorti jiżdiedu ma’ bosta stejjer oħrajn minn terzi persuni li għadhom jiġru wara flushom mingħand l-istess Karl Stagno Navarra li gidimhom flejjes taħt xi forma jew oħra.