L-għodwa tat-Tnejn fost il-ħaddiema, jitkellem mas-sidien tal-ħwienet u negozji, jisma’ lir-residenti ta’ San Ġwann…hawn, Adrian Delia kellu l-opportunità jiddiskuti mas-sidien l-andament tan-negozju tagħhom, u dak li qed iħassibhom.
Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo, id-Deputat Kristy Debono, is-Sindku ta’ San Ġwann Etienne Bonello Depius, il-Viċi Sindku Marica Bayliss, il-kunsillier Dominic Cassar, u kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Elezzjoni Ġenerali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ diversi sidien ta’ stabbilimenti fit-triq prinċipali ta’ San Ġwann, fejn kellu ċ-ċans jisma’ mingħandhom x’inhuma l-isfidi li qed jaffaċċjaw fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Kienu diversi s-sidien tal-ħwienet li esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li l-bejgħ fil-festi tal-Milied naqas meta pparagunat mas-sena preċedenti. Konferma ta’ dak li ħareġ minn survey tal-GRTU kif ukoll mill-istatistika tal-Eurostat …li wrew li fuq medda ta’ sena naqsu dawk li qalu li marru tajjeb fil-Milied.
San Ġwann inbidel drastikament tul is-snin, fejn illum il-ġurnata sar lokalità kummerċjali b’għadd ta’ ħwienet u stabbilimenti. Dan ukoll fih innifsu joffri diversi sfidi għar-residenti. Biex ma nsemmux ukoll il-kwistjoni tat-traffiku, u l-parkeġġ.
Waqt din iż-żjara Adrian Delia tkellem mar-residenti ta’ San Ġwann dwar l-istat diżastruż li jinsab fih Ġnien Karin Grech; ġnien li l-Kunsill Lokali ilu ħafna jixtieq li jkun spazju miftuħ biex jitgawda mir-residenti. Minħabba li ma kienet qed issir l-ebda manutenzjoni f’din iż-żona rikreattiva, il-Kunsill Lokali kellu jieħu deċiżjoni drastika u jneħħi l-bandli mill-post peress li kienu qed ikunu ta’ periklu.
Delia sostna li l-Gvern Laburista qed ikaxkar saqajh, u mhux qed jgħid jekk il-proġett ippjanat mill-Gvern, u li għalih kienu saħansitra diġa’ ħarġu l-permessi, hux se jsir jew le. Dan ifisser li l-Gvern għażel li jinsa kompletament lir-residenti ta’ San Gwann.
//= $special ?>