Lokali

B’paga ta’ €1,400 fix-xahar…martirju biex tixtri post

"Jekk trid saqaf fuq rasek, aħjar taħseb biex temigra"

“Żgħażagħ ta’ bejn l-25 u t-30 sena, b’impjieg full time, li għandom dħul bejn 1,000 u 1,400 ewro fix xahar, kif ukoll part time job, qegħdin imorru l-bank għal-loan, u l-bank jagħtihom €85,000 – €100,000… jekk dejjem ikunu furtunati. Biżejjed kważi kważi biex tixtri garaxx.” Dan qalu f’post fuq facebook ċertu Damjan Attard li kien ippublikat mis-sit LovinMalta.

Kienu bosta dawk li kkummentaw li jaqblu perfettament ma’ dak li kien qed jikteb. Ħafna qalu li dik ta’ Damjan kienet post li tidderskrivi eżatt dak li jgħaddu minnu ħafna żgħażagħ meta jkunu jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom.

“Dawn il-flus biżejjed biex wieħed jixtri garaxx. U mhux hekk, biex aktar iżidulhom inkwiet f’ħajjitom, jgħidulhom li aktar ma jgħaddi ż-żmien (30+) probabbli insiha li tieħu loan. Jekk int ‘il fuq minn 35 sena, u mintix se taqla’ minn tal-inqas €2,500 fix-xahar, insiha li tixtri post. Aħjar taħseb biex temigra jekk tixtieq post fuq rasek.”

Dawn huma pagi ta’ ħafna nies li joffru servizz fil-qasam tal-edukazzjoni, tas-saħħa u jagħtu sapport soċjali f’pajjiżna. Mhux ta’ b’xejn li ftit għadhom jinteressawhom dawn is-setturi. U huwa għalhekk li qed nispiċċaw mingħajr għalliema, nurses, carers.

Damjan Attard kompla jgħid li “Din hija realtà li qegħdin jaffaċċjaw ħafna żgħażagħ illum, u li se ssir agħar iktar ‘il quddiem. Mhux ta’ b’xejn li żdiedu ż-żgħżagħ li qed jgħixu barra, fil- garaxx jew fil-karozzi. Qabel konna ninkwetaw li tispiċċa bla xogħol u jkollok tmur għand is-servizzi soċjali biex jgħinuk għal ftit żmien sa ma ssib saqajk…. Issa ż-żgħażagħ tagħna qegħdin jaħdmu, però xorta baqgħu fl-istess post. Anzi, se jkollom jitkarrbu għall-għajnuna. X’hemm agħar milli tkun taħdem u jkollok tittallab xorta?”

Is-sigurtà ta’ saqaf fuq rasna hija essenzjali fi kwalinkwa soċjetà li timmira li tkun l-aqwa. Sigurtà f’ħajjitna, tfisser relazzjoniijiet aktar b’saħħithom, inqas mard mentali, inqas kriminalità u d-dritt ta’ kull min jeżisti fuq din id-dinja, aħseb u ara għal min jaħdem u jistinka. Din hija inġustizzja kontra il-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Damjan itemm il-post tiegħu b’dal-kliem…”U le, li żgħażagħ nibagħtuhom jitkarrbu għal servizzi soċjali biex jixtru dar, meta din il-persuna taħdem full time mhux soluzzjoni!”

Tant kien hemm persuni li xxerjaw din il-post li Damjan kiteb post oħra fejn spjega r-raġuni ta’ dak li kien kiteb fosthom li hawn ħafna nies għaddejien minn din il-problema u għalhekk hu ried juri solidarjetà magħhom. Problema li qiegħda toħloq ħafna konsegwenzi fis-soċjetà. “Din kwistjoni li tolqot lil kulħadd. Jekk mhux illum, se tolqot lil uliedek għada.”