Lokali

Illum hu l-Jum Internazzjonali tal-Epilessija

Artiklu mill-Caritas Malta Epilepsy Association 

Hemm aktar minn 4,600 raġuni għal dan l-artiklu. Bejn wieħed u ieħor dan huwa n-numru ta’ persuni f’Malta li jgħixu bil-kundizzjoni tal-epilessija. L-epilessija hija l-aktar kundizzjoni newroloġika li taffettwa nies: madwar 50 miljun persuna mad-dinja kollha.

Huwa possibbli li tiltaqa’ ma’ persuni li għandhom din il-kundizzjoni ta’ kuljum, mingħajr ma tinduna. Dan għaliex in-nies bl-epilessija jidhru bħal kulħadd u m’għandhom xejn differenti minbarra meta jkollhom aċċessjoni.

Iżda, l-epilessija taffettwa kważi kull aspett tal-ħajja tal-individwu minn meta ssirlu d-dijanjosi. Għal bosta persuni bl-epilessija, l-istigma relatata ma’ dil-kundizzjoni tagħmel il-ħajja aktar iebsa milli l-kundizzjoni nnifisha.

Minħabba li l-epilessija hija kundizzjoni li ma tidhirx, il-persuni milquta minnha jistgħu jgħixu ħajja normali.

Hemm numru ta’ personalitajiet famużi li kellhom dil-kundizzjoni, fosthom: Ġulju Ċesri, Alessandru l-Kbir, VincentVan Gogh, Ludwig Van Beethoven, Agatha Christie, Danny Clover, Rap Superstar Lil Wayne, l-atleta Olimpiku Dai Greene, l-eks plejer tal-futbol Amerikan Jason Snelling, il-kantant leġġendarju Paul Young, kif ukoll il-kantanta li ħarġet minn Britain’s Got Talent Susan Boyle, fost ħafna oħrajn.

X’inhi l-epilessija?

Skont il-UK Epilepsy Society (-www.epilepsysociety.org.uk-), l-epilessija hija kundizzjoni newroloġika, fejn wieħed għandu tendenza li jesperjenza l-aċċessjonijiet.

Aċċessjoni tiġri minħabba attività mhux normali tal-elettriku fil-moħħ. Dan jindika li min ikollu aċċessjoni ta’ darba, ma jfissirx li għandu l-epilessija. Fil-fatt u ħafna drabi, persuna jaf ikollha aċċessjoni darba u qatt aktar.

Kemm-il persuna hawn l-epilessija?

L-epilessija hija r-raba’ kundizzjoni newroloġika l-aktar komuni: taffettwa madwar 1% tal-popolazzjoni. F’Malta hawn madwar 4,600 persuna. Din il-kundizzjoni tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda l-biċċa l-kbira tibda minn meta wieħed ikun għadu ċkejken jew inkella f’persuni tal-fuq minn 65 sena.

X’tipi ta’ aċċessjonijiet jeżistu?

Hemm ‘il fuq minn 40 tip ta’ aċċessjoni. Dan jiddependi liema parti tal-moħħ tkun affettwata meta sseħħ l-attività anormali tal-elettriku u l-parti tal-ġisem li tikkontrolla dik is-sezzjoni tal-moħħ.

L-aċċessjoni li jafu biha l-aktar in-nies hija dik li tissejjaħ generalised tonic-clonic seizure. Din taffettwa lill-persuna kollha kemm hi: tintilef minn sensiha, taqa’ u d-dirgħajn kif ukoll ir-riġlejn jibdew jiċċaqalqu. Hemm tipi oħra ta’ aċċessjonijiet: absence – dawn iġiegħlu persuna tiċċassa għal ftit sekondi, fokali – tkun konfuża u ġġib ruħha b’mod stramb jew differenti mis-soltu.

Kif issir id-dijanjosi?

L-epilessija hija dijanjosi klinika. Id-deskrizzjoni tal-aċċessjoni mingħand ix-xhieda li jkun preżenti waqt l-aċċessjoni nnifisha, hija importanti ħafna speċjalment jekk il-persuna milquta tkun intilfet minn sensiha jew ma tkunx konxja waqt aċċessjoni.

Jistgħu jsiru eżamijiet bħall-EEG (electroencephalogram): dan ifittex u jiddokumenta l-mod kif jaħdem il-moħħ, dawk li bl-Ingliż jissejħu brain wave patterns.

Din hija proċedura li ma tweġġax u tista’ ddum minn 20 minuta sa ġimgħa sħiħa. Jista’ wkoll jintuża l-MRI (Magnetic Resonance Imaging) jew CT SCAN (Computerised Topography Scan), skont x’jirrikmanda l-ispeċjalista.

X’jikkawża l-epilessija?

Jeżistu kundizzjonijiet varji li jistgħu jikkawżawha, fosthom: xi żball fil-ġenetika, attakk ta’ puplesija, ferita fir-ras jew saħansitra xi infezzjonijiet. F’ċerti każijiet ma tinstab l-ebda kawża.

Madwar 70% tan-nies bl’epilessija huma kkontrollati bil-mediċini li jissejħu AEDs (Anti-Eplieptic Drugs). Hemm certi nies b’din il-kundizzjoni li jistgħu jkunu eliġibbli għall-operazzjoni. Dan però jiddependi mill-assessjar li jsir min-newrologi u n-newrokirurgi.

X’iqanqal aċċessjoni?

Xi drabi l-kawża ma tkunx magħrufa, imma f’ċerti sitwazzjonijiet bħal meta jkun hemm stress, nuqqas ta’ rqad jew abbuż tal-alkoħol, ir-riskju ta’ aċċessjoni jiżdied.

F’każ ta’ aċċessjoni, liema tip tal-ewwel għajnuna hija rrakkomandata?

Jekk persuna ikollha aċċessjoni fokali, ikun aħjar jekk wieħed jibqa’ mal-persuna, u filwaqt li jressaqha b’attenzjoni ‘l bogħod mill-periklu, ikompli jaċċertaha li kollox sew. Jekk il-persuna mhix tirreaġixxi, ftakar f’dawn il-5 punti:

1. Żomm kalm;

2. Neħħi kull oġġett perikoluż li jista’ jkun hemm fil-viċin;

3. Uża xi ħaġa ratba għal taħt ir-ras;

4. Dawwar lill-persuna fuq il-ġenb;

5. Ħu l-ħin minn meta tibda l-aċċessjoni sa xħin tieqaf.

Meta għandu wieħed jirrikorri għal tabib?

Ċempel 112 jekk persuna:

* qed tagħtiha aċċessjoni għall-ewwel darba;

* hija midruba;

* hija dijabetika;

* hija tqila;

* tagħtiha aċċessjoni fl-ilma/fil-baħar;

* tagħtiha t-tieni aċċessjoni ftit wara l-ewwel waħda;

* mhux qed tieħu nifs kif suppost;

* jkollha aċċessjoni li ddum aktar minn 5 minuti.

F’każ ta’ dubju ċempel dejjem.

Hemm xi ħaġa li wieħed qatt m’għandu jagħmel waqt aċċessjoni?

* Qatt m’għandek iżżomm lill-persuna. Ħalli l-aċċessjoni tgħaddi;

* Tpoġġi xejn fil-ħalq tal-persuna;

* Iċċaqlaqx lill-persuna sakemm mhux qiegħda f’xi periklu.

Tista’ persuna epilettika tgħix ħajja normali?

Iva, tista’ tgħix ħajja normali, b’xi arranġamenti żgħar. Kważi 80% ta’ nies bl-epilessija jirnexxilhom jgħixu perjodi twal mill-ħajja mingħajr ma jkollhom aċċessjoni – dan grazzi għall-mediċini li tkun qed tittieħed.

Uħud ma jkollhom l-ebda aċċessjoni oħra. Sfortunatament għad hemm nies li l-mediċina għall-kontroll tal-epilessija ma taħdimx fuqhom. Madankollu, grazzi għar-riċerka kontinwa u sejbiet ġodda fil-qasam tat-teknoloġija, dawn is-sitwazzjonijiet qed jitjiebu.

Min jimpjega

Bil-paċenzja, perseveranza u pożittività, il-maġġoranza tal-persuni bl-epilessija jirnexxielhom isibu xogħol li jixtiequ, possibbilment fejn jużaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom bl-aħjar mod.

F’ċerti sitwazzjonijiet, ikun għaqli u aktar sigur, li bniedem bl-epilessija jinforma lil min iħaddmu bil-kundizzjoni tiegħu.

Wieħed jista’ jaħseb għal pjan ta’ kura (care plan). Fost affarijiet oħra din tista’ tinkludi: x’jiġri waqt aċċessjoni, kemm-il darba sseħħ, kif wieħed jista’ jgħin waqt u wara l-aċċessjoni – jekk din tiġri fuq il-post tax-xogħol.

Tajjeb li wieħed jinkludi x’iħoss jew x’jesperjenza qabel ma tkun ġejja l-aċċessjoni, dik li tissejjaħ awra (aura).

L-GĦAQDA CARITAS MALTA EPILEPSY ASSOCIATION

Il-kampanja tagħna timmira li ttejjeb is-servizzi tas-saħħa, it-trattamenti, l-inklużjoni soċjali, kif ukoll titjib fil-kwalità tal-ħajja, kemm għal dawk milquta mill-kundizzjoni kif ukoll għall-qraba tagħhom.

Għan ieħor tagħna huwa li nkabbru l-għarfien dwar l-epilessija mal-pubbliku inġenerali u neliminaw il-miti u l-ħrejjef li jeżistu.

Tul dawn l-aħħar snin il-kampanja promozzjonali u edukattiva tagħna kienet tinkludi serje ta’ interventi fuq it-televiżjioni, ir-radju, sessjonijiet fl-iskejjel u l-parroċċi, artikli fuq il-gazzetti, kif ukoll produzzjoni ta’ vidjow/DVD fuq l-epilessija bil-lingwa Maltija. Barra minn hekk sar u għadu jsir tqassim ta’ fuljetti bl-Malti, kif ukoll ħriġna karti tal-identità għall-pazjenti.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet jew tixtieq aktar informazzjoni, tiddejjaqx tikkuntattja lil Caritas Malta Epilepsy Association jew idħol fil-websajt tagħna. Hemmhekk issib ukoll tagħrif dwar il-laqgħat.

Tista’ tissieħeb fl-assoċjazzjoni tagħna b’XEJN. Il-laqgħat tal-membri jsiru kull xahrejn fit-tieni Ġimgħa tax-xahar. Dak kollu li jiġi diskuss waqt dawn il-

laqgħat isir b’mod strettament kunfidenzjali. Biex tkun taf meta se ssir il-laqgħa li jmiss, tista’ tara l-paġna ta’ Facebook jew il-websajt tagħna fuq www.caritasmalta.org/epilepsy.

Caritas Malta Epilepsy Association www.caritasmalta.org/epilepsy maltaepilepsy@gmail.com
+356 25906600