“Pajjiżna mexa ‘l quddiem meta investa fl-edukazzjoni, meta investa fl-għalliema u l-edukaturi. Ma jagħmilx sens li s-soċjetà timxi ‘l quddiem u l-edukatur jibqa’ fejn hu jew imur lura. L-edukaturi jixirqilhom rispett u appoġġ biex iwettqu xogħolhom.”. Sosnta dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Malta Union of Teachers (MUT).
Adrian Delia qal li l-bażi tas-suċċess fil-ħajja hija l-preparazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ. Huwa qal li pajjizna mexa ‘l quddiem meta investa fl-edukazzjoni, meta fetaħ il-bibien biex aktar nies jitħarġu fis-snajja’, fi professjonijiet u f’ħiliet ġodda u l-għalliema u l-edukaturi huma l-fus ta’ dan kollu.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi fosthom is-sigurtà fl-iskejjel, in-nuqqas ta’ ippjanar fis-sistema edukattiva u l-htieġa li l-għalliema u l-edukaturi jkunu aktar stmati u rikonoxxuti għall-kontribut li jagħtu lis-soċjetà. Ġie diskuss ukoll kif pajjiżna qiegħed jesperjenza rata kbira tat-tkabbir fil-popolazzjoni, b’riżultat dirett tal-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni.
Wieħed kien jistenna li tal-inqas il-Gvern jippjana u jlesti għall-impatt ta’ dan it-tkabbir fuq oqsma importanti bħalma huma l-edukazzjoni u s-saħħa, hekk kif numru ta’ skejjel qed jesperjenzaw problemi minħabba n-nuqqas ta’ ippjanar. Il-Gvern mhux qed jiddedika biżżejjed riżorsi sabiex jassigura li l-iskejjel t’uliedna jkunu siguri, tant li studju riċenti wera li 9 minn kull 10 edukatur esperjenza xi forma ta’ aggressjoni. Ħamsa mill-għaxar Kulleġġi tal-Gvern għadhom mingħajr prefect of discipline.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-miżuri li qed tipproni l-MUT sabiex titjieb is-sigurtà fl-iskejjel. Huwa tkellem mal-MUT dwar il-fatturi li qed iwasslu biex ikun hemm livell għoli ta’ skuntentizza fost l-għalliema u l-edukaturi u dwar il-fatt li inqas u inqas żgħażagħ qed jitħajru jsiru edukaturi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà, aktar u aktar l-għalliema u l-edukaturi li jistħoqqilhom l-akbar rikonoxximent.
Preżenti għal-laqgħa mal-MUT kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, Herman Schiavone kelliem tal-Oppożizzjoni dwar djalogu soċjali, volontarjat u s-soċjetà ċivili u l-kuntatt man-nies, Dione Borg, kandidat għall-elezzjoni tal-parlament ewrope u Justin Schembri, Kandidat għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Birkirkara.
//= $special ?>