Ekonomija Lokali

Pjan biex jiġu mpurtati ħaddiema mit-Turkija; anke dawn se jitpoġġew f’kontejners

Joseph Muscat jhedded bil-pensjonijiet

Mal-2,500 ħaddiem mit-Turkija fix-xhur li ġejjin mistennija jinġiebu f’Malta biex jaħdmu fuq sensiela ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni madwar il-pajjiż f’dik li qed titqies bħala mossa oħra li se ġġib lejn Malta influss f’daqqa ta’ barranin.

Din il-mossa tal-Gvern kienet żvelata mit-Times of Malta hekk kif fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet bejn JobsPlus u l-kumpanija TACA Construction, li mistennija jġib lil dawn il-barranin f’Malta.

L-indikazzjonijiet huma li l-ħaddiema Torok se jitħallsu b’paga baxxa meta mqabbel mal-pagi fis-settur tal-kostruzzjoni fil-preżent u saħansitra se jintefgħu f’kontejners simili għal dawk li wieħed isib fiċ-ċentru tar-refuġjati ta’ Ħal Far.

U minkejja dan kollu, jidher li l-kumpanija TACA Construction se tkun privileġġata, hekk kif għaddejjin diskussjonijiet ma’ JobsPlus biex il-proċess ta’ reġistrazzjoni u permessi biex dawn il-ħaddiema jaħdmu f’Malta se jkun wieħed mgħaġġel.

L-aħbar tasal ftit jiem biss wara li l-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, Clyde Caruana, iddikjara li lejn pajjiżna jridu jinġiebu mat-13,000 ħaddiem barrani fi żmien qasir. Dawn jiżdiedu mal-55,000 li hu kkalkulat li diġa hawn f’pajjiżna.

Anke l-Prim Ministru Joseph Muscat, f’diskors politiku ġimgħatejn ilu, kien skuża din il-politika tiegħu li jġib il-barranin billi hedded bil-pensjonijiet.

Fis-settur tal-kostruzzjoni biss, ma’ JobsPlus wieħed isib 2,000 ħaddiem barrani li hu reġistrat, għalkemm sorsi fl-industrija jikkalkulaw li fil-verità hawn ferm iktar.