L-aħbar kienet ilha magħrufa iżda issa waslet l-uffiċjalità. Aaron Ramsey se jkun qed jilgħab fil-kampjonat tas-Serie A l-istaġun li ġej hekk kif iffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Juventus.
L-internazzjonali ta’ Wales laħaq ftehim fuq kuntratt qabel il-kuntratt biex jingħaqad maċ-champions Taljani mingħand Arsenal fl-1 ta’ Lulju, hekk kif il-kuntratt eżistenti tiegħu jintemm fi tmiem l-istaġun. Rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li Ramsey se jkollu salarju ta €350,000 fil-ġimgħa.
Il-plejer ta’ 28 sena kien f’taħdidiet ma’ Arsenal għal diversi xhur iżda l-klabb Ingliż irtira l-offerta f’Ottubru li għadda biex ħalla lill-midfielder liberu li jiddiskuti l-futur tiegħu. Fuq il-media soċjali, Ramsey ikkonferma li se jtemm il-11-il sena tiegħu ma’ Arsenal.
Juventus huma kkunsidrati esperti kif jakkwistaw il-plejers fi tmiem il-kuntratt tagħhom. Fl-aħħar snin huma kienu għamlu ftehim simili ma’ Andrea Pirlo, Paul Pogba, Dani Alves, Sami Khedira u Emre Can. Ramsey se jsir it-tielet plejer minn Wales li jilgħab ma’ Juventus wara Ian Rush li lagħab biss staġun u John Charles li lagħab għal ħames snin fis-snin 50 u 60.
//= $special ?>