Ir-Rapport Metsola, li jistabbilixxi liġi ġdida li tipproteġi b’mod aħjar il-fruntieri esterni tal-Unjoni, ġie approvat mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, wara ġimgħat ta’ negozjati ma’ gruppi politiċi differenti, kif ukoll ma’ stakeholders fis-settur, kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.
L-MEP Roberta Metsola issa, f’isem il-Parlament Ewropew se tmexxi n-negozjati dwar din il-liġi mal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, li mistennija tiġi approvata formalment qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
Roberta Metsola, ir-Rapporter tal-Parlament dwar din il-liġi ġdida, qalet: “Il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta u Għawdex fuq in-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea tagħmilha vulnerabbli għal sfidi bħal kriminalità bejn il-fruntieri u l-immigrazzjoni irregolari. L-Ewropa għandha valur addizzjonali f’dan il-qasam. Il-liġi ġdida li mexxejt fil-Parlament Ewropew se tindirizza dan kollu. F’dawn in-negozjati, l-prinċipju li żammejt kien li rridu nkunu ġusti ma’ dawk fil-bżonn tal-protezzjoni, b’saħħitna ma’ dawk li m’għandhomx, u ħorox ma’ dawk li jipprova jisfruttaw dawk l-aktar vulnerabbli.”
Il-liġi l-ġdida se tintroduċi 10,000 gwardji ġodda għall-Fruntieri u l-Kosta li se jkollhom il-poter li jiġġieldu kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri u jindirizzaw individwi li ma jkunux eliġibbli li jidħlu mill-fruntieri tal-UE. Ir-rapport ta’ Metsola se jipprovdilhom ukoll l-apparat tekniku biex iwaqqfu kull tip ta’ att kriminali li jkun qed iseħħ mal-fruntieri esterni.
B’mod kruċjali, l-Aġenzija se tintroduċi wkoll uffiċċji antenna fl-Istati Membri, bħal Malta, li jagħmluha aktar faċli għall-Aġenzija biex taħdem fl-Istati Membri rispettivi. “Dan se jfisser li l-isfidi li tiffaċċja Malta jiġu indirizzati f’Malta, mhux f’uffiċċju 3,000 kilometru ‘l bogħod, f’Varsavja,” qalet Roberta Metsola, li hi wkoll il-Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern. L-aġenzija l-ġdida se jkollha baġit ta’ €11.3 miljun fil-baġit li jmiss tal-UE bejn l-2021 u l-2027.
F’isem il-Parlament Ewropew, issa Roberta Metsola se tibda n-negozjati dwar din il-liġi mal-Kunsill. “Stati Membri differenti għandhom sfidi differenti, u naf li mhux se tkun faċli biex nikkonvinċi pajjiżi fiċ-ċentru tal-Ewropa biex jinvestu fil-fruntieri. Madankollu, qatt ma bżajt minn affarijiet kumplessi u jien kunfidenti li nikkonvinċu l-Istati Membri biex jifhmu li fruntieri esterni li jkunu siguri jfissru Unjoni Ewropea aktar sigura. Iċ-ċittadini afdawna biex nipprovdu r-riżultati, u jien determinata dwar dan biex minn din il-liġi mhux biss jibbenefika kull Malti u Għawdxi, iżda l-Unjoni Ewropea kollha.”
//= $special ?>