Futbol Sport

Darren Abdilla jirriżenja minn kowċ ta’ Gżira … postu jittieħed minn Jesmond Zerafa

(Ritratt: Gżira United)

Darren Abdilla rriżenja minn kowċ ta’ Gżira United, jumejn biss wara li l-Gżirjani sofrew l-ewwel telfa fil-kampjonat. Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Abdilla stqarr li kienu hu li offra r-riżenja iżda wara li l-President Sharlon Pace rrifjutaha, Abdilla insista li din id-deċiżjoni kienet fl-aħjar interess tal-klabb.

Fi stqarrija, il-President tal-klabb Sharlon Pace rringrazzja lil Darren ta’ dak li kiseb ma’ Gżira li qabeż dak li kien qed jistenna hu bħala President u partitarju. “Ma kellix intenzjonijiet li nkeċċi lil Darren imma ta’ raġel li hu ġie fuqna u għamilha ċara li f’dan il-mument, it-tim għandu bżonn xokk u ssagrifika lilu nnifsu għall-klabb.”

Il-kowċ ta’ 39 sena stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa kowċis lokali. Hu kien ħa t-tmexxija tat-tim f’Novembru tal-2014 meta t-tim kien għadu fl-Ewwel Diviżjoni. F’dak l-istaġun huma kienu spiċċaw fit-tielet post u tilfu l-play-off kontra Mosta.

Fl-istaġun ta’ wara, hu wassal lit-tim biex kiseb il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ 34 sena. Wara li Gżira kienu ħatru lil Branko Nisevic bħala kowċ, Abdilla kien baqa’ mal-klabb bħala assistent tiegħu.

Kien f’Novembru tal-2016 li hu reġa ħa t-tmexxija tat-tim wara t-tneħħija ta’ Nisevic. F’dak l-istess staġun hu għen lit-tim isalva postu fil-Premier biex fl-istaġun li għadda wassal lit-tim sat-tielet u assiguraw posthom minn parteċipazzjoni fl-Europa League.

F’dan l-istaġun Gżira għaddew mir-Rawnd Preliminari wara li eliminaw lil Sant Julia tal-Andorra u kienu eliminati fir-rawnd ta’ wara kontra Radnicki. Abdilla se jħalli lit-tim fit-tielet post b’34 punt, sitt punti bogħod mill-quċċata u fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy.

Is-suċċessur tiegħu hu Jesmond Zerafa li f’dan l-istaġun kien qed iservi bħala Direttur Tekniku tal-klabb. Zerafa ilu kważi sentejn mingħajr klabb wara li kien ħalla lil Tarxien ftit qabel ma ntemm l-istaġun 2016-2017. L-ewwel impenn tiegħu bħala kowċ se jkun il-Ħadd li ġej kontra Birkirkara. B’din il-bidla, Gżira saru t-tmien klabb mill-Kampjonat Premier li bidel il-klabb mill-bidu tal-istaġun.