Lokali Parlament

Il-Gvern ħa passi dwar id-Direttur tas-Sajd wara rapporti fil-media Spanjola

Il-Gvern ħa passi u ssospenda lil Andreina Fenech Farrugia minn Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd wara li kien hemm rapporti fil-media Spanjola.

Dan sostnieh fil-parlament is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura Clint Camilleri meta kien qed iwieġeb diversi mistoqsijiet tad-deputati tal-Oppożizzjoni dwar il-każ tal-allegat korruzzjoni fil-industrija tat-tonn.

Fi stqarrija ministerjali, il-Ministru għlal-Ambjent Josè Herrera qal li l-persuna involuta Andreina Fenech Farrugia kienet sospiża mir-responsabbiltajiet tagħha bħala Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd. Il-Gvern informa lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu l-passi meħtieġa. Id-dipartiment dejjem rrifera kull każ lill-Pulizija. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Europol u l-awtoritajiet Maltin qed jikkorpaw waqt li għaddejja investigazzjoni bil-Maġistrat.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu każ ieħor li l-gvern hu konxju tiegħu iżda issa ħa l-passi immedjati. Dan hu każ miskin fejn il-gern hu b’saħħtu maż-żgħir u batut mal-kbir. Il-ħuta minn rasha tinten, sostna Edwin Vassallo, li rrifera għall-każi ta’ korruzzjoni li l-pulizija mhix jieħdu passi dwarha. Hu sostna li l-gvern għandu jirtira din l-istqarrija għaliex il-gvern qed jipprova jagħti lil min jifhem li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hi għal qalbu.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-Ministru għall-Ambjent għandu jagħti spjegazzjonijiet dwar il-bejgħ tat-tonn u jekk kienux qed isiru inestigazzjonijiet lokali għaliex dan hu każ li nqabad mill-pulizija Spanjola. Edwin Vassall staqsa x’qed isir mill-Ministru dwar jekk hemmx każi oħra u jekk l-awtoritajiet Maltin hux jieħdu prekawzjonijiet oħra.

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone qal li l-industrija tat-tonn hi waħda importanti ħafna u din l-istorja se tagħmel ħsara lill-pajjiż. Hu staqsa x’qed jagħmel il-ministeru biex jipproteġi din l-industrija u jekk hemmx tmexxija kontrollata u tajba tad-Dipartiment tas-Sajd.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-persuna kienet tneħħiet fl-2010 iżda f’Mejju 2013 kienet reġgħet iddaħħlet u staqsa x’patt kien hemm mal-PL dwar dan. Hu qal li l-Ministru għall-Ambjent jinsab f’Kabinett fejn hemm rapporti li irrakkomandaw passi kriminali kontra ministru u staqsa kif il-Ministru għall-Ambjent għandu standards differenti.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa jekk hux se jkunu effettwati l-kwoti tat-tonna.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li dan hu każ tipiku fejn għandha tinġarr responsbbiltà politika għaliex Direttur ta’ Dipartiment igawdi l-fiduċja tal-ministru. Hu staqsa jekk il-ministru kien jaf b’dan il-każ, jekk kienx hemm xi persuna li kellmitu qabel illum u jekk dwar dan il-każ sarx kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kummissarju Karmenu Vella.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem dwar it-tkabbir tal-industrija tat-tonn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u staqsa jekk il-gvern hux qed jikkunsidra li jkun hemm iktar gageg tat-tonn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco staqsa kif kellha tkun l-aħbar fil-media Spanjola li wasslet lill-Ministru biex jieħu passi.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li hu ma ta ebda permess biex xi operatur ikollu iktar gaġġeg tat-tonn iżda hemm applikazzjoni fiż-żona identifikata preċedentament. Hu qal li mhux kull allegazzjoni jwassal għas-sospenzjonijiet tal-persuni id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd hu wkoll ir-regolatur.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri għall-Agrikoltura qal li nstabu rregolaritajiet fuq kull operatur u nfetħet investigazzjoni dwar dan. Il-ħut żejjed li nstab fil-fish farms tħarrab. Hu qal li l-gvern hu impenjat li ma jabtux is-sajjieda u qed jassigura li jkun hemm transazzjoni tajba għal Aġent Direttur tas-Sajd.

Clint Camilleri sostna li l-gvern ma jafx għaliex tneħħiet fl-2010 u fil-files m’hemm xejn; fil-fatt lanqas hu stabbilit jekk tneħħietx jew jekk telqitx fuq talba tagħha stess. Il-gvern qed jistenna l-proċess tal-ERA dwar aktar gaġġeġ fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Hu qal li l-gvern ħa l-passi issa għaliex hemm transkirizzjonijiet taż telefonati fuq il-media barranija.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li s-Segretarju Parlamentari ma weġibx għall-mistoqsijiet tiegħu.

Id-deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li s-Segretarju Parlamentari ta t-tweġibiet li ħass li kellu jagħti.