L-esponenti fil-Kabinett Laburista qed ikomplu juru kemm il-Gvern m’għandux pjan f’setturi importanti, bħalma hi l-Edukazzjoni. Fil-fatt, il-Ministru Evarist Bartolo nnifsu kellu jammetti mal-ġurnalisti – għat-tieni darba fi ftit jiem – li l-Gvern ma ppjana xejn biex dan is-settur jilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni li qed jimbotta Joseph Muscat innifsu.
Għax filwaqt li l-Prim Ministru qed jinsisti li pajjiżna għandu bżonn ikompli jżid il-preżenza tal-barranin – tant li spiċċa jhedded bil-pensjonijiet tal-anzjani tagħna – il-Ministru Evarist Bartolo pprova jiddefendi n-nuqqas ta’ pjan billi qal li ma tibnix l-Iskejjel mil-lum għal għada.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni kien qed iwieġeb mistoqsija dwar jekk il-kontejners li għamel f’għadd ta’ lokalitajiet biex l-istudenti jkunu mgħallma fihom kienux is-soluzzjoni faċli tal-Gvern minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni u kif ma nbnewx biżżejjed Skejjel biex ilaħħqu maż-żieda fil-popolazzjoni.
Mistoqsi dwar jekk il-kontejners li qed jintużaw bħalissa hux se jieħdu post l-idea ta’ Skola ġdida kull sena, il-Ministru dawwar id-diskors billi semma’ l-Iskoal ġdida f’Marsaskala. Iżda li ma qalx il-Ministru Bartolo kien li biex jibni din l-istess Skola, il-Gvern Laburista sab is-sodda lesta għax Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi kien diġà ppjana l-bini tagħha sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013.
Fi Frar ta’ dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li se jkompli bl-impenn ta’ bini ta’ Skola ġdida kull sena u skont dak il-pjan, fl-2019 kellha tinfetaħ l-Iskola ġdida f’Marsaskala.
L-istess dwar l-Iskola ta’ Ħal Kirkop, li l-Ministru ftaħar li hi proġett ta’ dan il-Gvern. Iżda anke dwar din, il-Ministru tal-Edukazzjoni nesa jgħid li l-Partit Nazzjonalista kien ippjana l-ftuħ ta’ Skola f’Ħal Kirkop għall-2014, jiġifieri ħames snin ilu. Dan juri kemm il-pjanijiet tal-Gvern Nazzjonalista għal din l-Iskola kienu avvanzati sew.
Sadanittant, dwar il-problema tas-sigurtà fl-Iskejjel u l-karba kontinwa tal-Union tal-Għalliema biex l-edukaturi jħossuhom siguri, il-Ministru qal li “jekk hi problema żgħira u tkabbarha, tagħmel ħażin”.
Bartolo qal biss li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-MUT u qed jittieħdu l-passi. Madankollu, ma kkomettiex ruħu li kull skola se jkollha l-mezzi ta’ sigurtà meħtieġa sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika.