Lokali

JINQABDU: Il-kant “Viva l-Lejber” veru seħħ fil-party tal-Bank Ċentrali

Il-MaltaToday tikxef dak li kien cover-up minn naħa tal-Bank Ċentrali

Il-party tal-Milied tal-Bank Ċentrali possibilment sar l-aktar party popolari li kien fuq fomm kulħadd għal dawn l-aħħar ġimgħat; għar-raġunijiet il-ħżiena.

Illum, is-sit tal-gazzetta MaltaToday qed jiżvela li minkejja l-mossa tal-Bank Ċentrali li ġiegħel lill-impjegati jiffirmaw stqarrija biex jiċħdu dak żvelat mill-programm ‘Sorsi Infurmati’, jeżistu xiehda li raw kollox b’għajnejhom – dawn insistew li VERU kien hemm il-kant ta’ “Viva l-Lejber” minn impjegati fis-sakra.

Ir-rapport tal-ġurnalist David Hudson jgħid illi l-maskot tal-Partit Laburista, Karl Stagno Navarra, prova jirredikola din l-investigazzjoni tal-ġurnalist Joe Mikallef. U b’mod parallel, ħarġet iċ-ċaħda tal-Bank Ċentrali.

Iżda issa, l-istess gazzetta qed tikkwota sorsi li jispjegaw eżatt kif seħħew l-affarijiet f’dan il-party tal-Milied f’sala ewlenija tat-tiġijiet fir-Rabat. Is-sorsi spjegaw li fuq il-menu, verament kien hemm il-kant ta’ “Viva l-Lejber”. Dan beda jidwi mas-sala kollha meta fil-party tal-Bank Ċentrali indaqqet il-kanzunetta ‘Children’ ta’ Robert Miles.

“Kien hemm ħafna xorb, imma żgur li kienu jafu x’qed jagħmlu”, spjega wieħed mis-sorsi li tkellem mal-MaltaToday. U jkompli jgħid illi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għażel li jaħbi dan kollu bi stqarrija falza, għad-detriment tar-reputazzjoni u l-integrita’ tal-istess Bank Ċentrali.