Internazzjonali

L-Indja: Nirien fatali ġo lukanda f’Delhi

Mietu talanqas 17-il persuna fost nirien li ħakmu lukanda f’Delhi u meta l-mejtin kienu jinkludu omm u tfajjel li ppruvaw jaqbżu minn tieqa tal-bini f’tentattiv iddisprat biex isalvaw mill-fjammi. L-ammont totali tal-vittmi kien mistenni jitla’ maż-żmien.

Is-servizzi għall-emerġenzi li marru fuq il-post tal-inċident irnexxielhom isalvaw għexieren ta’ nies, li wħud kellhom jittieħdu dritt l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu fin-nirien.

Il-lukanda inkwistjoni, li jisimha Arpit Palace, tinsab f’Karol Bagh, li hi zona popolari mat-turisti li jiffrekwentawha għax-xiri. Intant, l-investigaturi qed jindagaw x’seta’ ikkaġuna n-nirien, bil-media lokali tgħid li l-parti kbira tal-vittmi mietu fgati mid-duħħan.

Dawn it-tipi ta’inċidenti mhumiex rari fl-ibliet tal-Indja, fejn il-ħaddiema fis-settur tal-bini kemm-il darba jinjoraw ir-regolamenti tas-sigurtà u meta ħafna strutturi – antiki u ġodda – ma jinkludux il-fire-exits.