Ġiet sospiża mill-kariga tagħha d-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd wara rapporti li talbet ħlas mingħand waħda mill-ikbar kumpaniji tat-tonn fi Spanja – każ li ilu diversi ġimgħat li faqqa’ fil-media internazzjonali.
Andreina Fenech Farrugia ġiet sospiża wara li fi Spanja ġew ippubblikati interċetazzjonijiet ta’ telefonati li saru bejnha u bejn Josè Fuentes Garcìa, li jmexxi l-Grupp Fuentes. Minnhom joħroġ li hija talbet ħlas baxx baxx sabiex tgħinhom iddaħlu tonn fis-suq mhux dikjarat skont il-kwoti stabiliti.
Il-grupp Fuentes f’Malta għandu wkoll kumpanija li għandha l-gaġġeġ tat-tonn.
L-allegazzjonijiet li ħarġu huma serjissimi, u jindikaw li Malta kienet fiċ-ċentru ta’ xibka kriminali minn fejn jgħaddi tonn maqbud illegalment. Jirriżulta ukoll li din il-ħidma kriminali kienet ilha għaddejja numru ta’ snin.
L-istorja ħarġet illum fuq website Spanjola, bil-Gvern fi ftit sigħat jiddeċiedi li jneħħi lil Fenech Farrugia sakemm jiġu ċċarati dawn l-allegazzjonijiet serji. Fl-istess waqt, inħatar Aġent Direttur minnflokha.
L-akkużi jirreferu għal telefonata partikolari li kellha ma’ Fuentes, fejn Fenech Farrugia tinstema’ tgħid “ġejt hawn għalik; trid tħallasni” b’referenza għal laqgħat li kellha fil-Bulgarija fuq livell Ewropew f’Ġunju li għadda. Hemm, kienet qed tirrapreżenta lil pajjiżna fir-rwol tagħha ta’ Direttur tas-Sajd.
Kien il-Gvern ta’ Muscat li b’sorpriża għal bosta poġġa’ lil Andreina Fenech Farrugia tmexxi d-Dipartiment tas-Sajd eżatt wara l-elezzjoni tal-2013. Hi kienet ħadet post Joe Caruana.
Intant, f’messaġġ mibgħut lil dan is-sit, l-avukat Andreina Fenech Farrugia ċaħdet l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha.
STQARRIJA MIR-RAPPREŻENTANZA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’MALTA
Verżjoni preċedenti ta’ dan l-artiklu bi żball irrappurtat li l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Karmenu Vella kien preżenti għal-laqgħa dwar is-sajd dakinhar li Fenech Farrugia kkomunikat ma’ Fuentes. Vella kien Brussell dakinhar, f’laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji.
//= $special ?>