Internazzjonali

Maduro jikkundanna lill-Gvern Amerikan bħala ‘estremista’

Nicolas Maduro

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, irrefera għall-Gvern tal-Istati Uniti mmexxi mill-President Donald Trump bħala ‘ċorma ta’ estremisti’ – meta hu anki qed iwaħħal fl-Istati Uniti għall-kriżi li għaddej minnha pajjiżu.

Maduro, waqt intervista lill-BBC, qal ukoll li mhux se jippermetti li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-Veneżwela ‘għaliex dan ikun mezz li bih l-Istati Uniti tista’ tiġġustifika xi forma ta’ intervent’. Hu kompla li ‘l-Amerikani qegħdin jaħdmu biex issir gwerra bil-għan li huma jieħdu l-kontroll tal-Veneżwela’.

L-Istati Uniti u l-Gvernijiet tal-Punent irrikonoxxew lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, Juan Guaido, bħala l-President proviżorju tal-Istat Latin Amerikan. Dan meta Maduro jinsab taħt pressjoni kbira interna u fuq livell internazzjonali biex isejjaħ elezzjonijiet presidenzjali ġodda fil-Veneżwela li qed tbati taħt kriżi ekonomika kbira.

Qed jispikkaw ukoll akkużi dwar korruzzjoni ‘endemika’ u abbużi tad-drittijiet umani fil-Veneżwela, b’Juan Guaido jsejjaħ għal ‘aktar protesti’ kontra l-Gvern ta’ Maduro li għad għandu l-appoġġ tal-Armata, flimkien ma’ sostenn minn pajjiżi bħat-Turkija, ir-Russja u ċ-Ċina.