Manchester United se jkunu qed jittamaw li jkomplu l-forma domestika mill-aqwa hekk kif f’Old Trafford jilqgħu lil Paris Saint-Germain f’waħda mill-aktar logħbiet mistennija tal-aħħar 16. Ir-Red Devils kisbu tmien rebħiet u draw minn disa’ logħbiet fil-Premier League taħt il-manager temporanju Ole Gunnar Solskjaer u fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet irnexxielhom jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika.
L-ambjent fil-klabb ta’ Manchester jinsab għoli ħafna, b’ħafna qed jitfgħu l-ħarsa tagħhom lejn l-aktar plejer influwenti tagħhom Paul Pogba biex ikompli jispikka f’kompetizzjoni importanti bħal UEFA Champions League.
Paris Saint-Germain qed jiġru bil-Ligue 1 hekk kif jinsabu 10 punti vantaġġ fuq Lille b’żewġ logħbiet anqas. L-għan prinċipali tal-klabb hu li jirbħu l-UEFA Champions League għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom wara serje ta’ diżappunti fl-aħħar snin.
Sfortunatament għall-kowċ Thomas Tuchel, Neymar, Edinson Cavani u Thomas Meunier se jkunu neqsin, b’Marco Verratti mistenni jirkupra fil-ħin. Is-saħħa fl-attakk ta’ Tuchel naqset b’mod konsiderevoli iżda flimkien ma’ Kylian Mbappe, mistenni jkun hemm Julian Draxler u Angel Di Maria.
Fil-logħba l-oħra mill-ewwel leg, Roma jippruvaw jinsew l-inkonsistenza fil-kampjonat meta jilqgħu fi Stadio Olimpico lil Porto. Roma ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fil-kampjonat barra minn darhom kontra Chievo, iżda f’dan l-istaġun mhux qed jirnexxielhom jagħmlu sensiela twila konsistenti.
Mill-għażliet li kellhom fil-polza, Porto probabbli huma l-anqas tim kwotat, iżda l-Portugiżi tal-eks plejer ta’ Lazio Sergio Conceicao għandhom l-esperjenza f’din il-kompetizzjoni hekk kif fl-aħħar snin dejjem waslu sa din il-fażi. Porto se jkollhom lil Marega u Corona neqsin filwaqt li Roma mistennija jkunu mingħajr il-gowlkiper Olsen, Under u Perotti.
Fatt interessanti hu li mil-logħbiet tal-lum se jkun hemm l-inklużjoni tal-Video Assistant Referees magħrufa bħala l-VAR.
Rawnd tal-aħħar 16 – L-ewwel leg
Illum: Manchester United v PSG 9.00pm, Roma v Porto 9.00pm
//= $special ?>