Minkejja diversi mistoqsijiet diretti li sarulu dwar is-saltna tad-dritt kif ukoll dwar is-sistema tal-ġustizzja f’Malta, l-Ministru Owen Bonnici ma wieġeb xejn minn dawn il-mistoqsijiet waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Il-Kumitat li twaqqaf wara l-iskandlu tal-Panama Papers iddiskuta l-iskandlu 17 Black u kif il-Gvern Malti rreaġixxa għal dak żvelat. Waqt dan id-dibattitu, minbarra l-Ministru Owen Bonnici, ħadu sehem ukoll Stephen Grey u Matthew Caruana Galizia, żewġ ġurnalisti tad-Daphne Project, li żvelaw, fost l-oħrajn, li s-sid tal-kumpanija 17 Black hu nvolut fil-Power Station ta’ Delimara.
Fost l-oħrajn, il-Ministru Owen Bonnici kien mistoqsi dwar il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Konrad Mizzi għadhom fil-poter, dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni indipendenti u pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni b’rabta mal-kumpanija sigrieta 17 Black, dwar il-bejgħ tal-passaport Malti u r-relazzjoni tal-Gvern mal-kumpanija Henley & Partners, kif ukoll dwar diversi gideb li nqabdu fihom kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri. Il-mistoqsijiet li saru lil Owen Bonnici saru minn MEPs mill-gruppi politiċi kollha.
“Kont konvint li l-għada li ġew żvelati l-Panama Papers, kienu se jittieħdu passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri”
F’waħda mit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Matthew Caruana Galizia qal li bħala ċittadin f’pajjiż Ewropew ċivilizzat, kien jemmen li l-għada li ġew żvelati d-dettalji tal-iskandlu tal-Panama Papers, kienu se jittieħdu passi kemm kontra l-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Hu insista li hemm bżonn li l-investigazzjonijiet li jagħmlu l-ġurnalisti jkollhom il-konsegwenzi, għax inkella se tibqa’ faċli li jinqatlu l-ġurnalisti, kif ġara fil-każ ta’ ommu.
Matthew Caruana Galizia ta x’jifhem ukoll li għandu jkun hemm tip ta’ FBI tal-Ewropa, li tinvestiga, per eżempju, l-korruzzjoni fl-Ażerbajġan fl-Ewropa kollha, u dan peress li din it-tip ta’ investigazzjoni ma tistax issir biss minn stat membru wieħed.
L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista jiddefendu lil Malta u jinsistu li l-ġurnalisti jkomplu b’xogħlhom
Fid-diskussjoni mal-ġurnalisti ħadu sehem it-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista, li fl-interventi tagħhom, insistew li xogħlhom, bħala MEPs hu li jiddefendu lill-poplu Malti u Għawdxi, iżda ma jistgħux jippermettu li ma ssirx ġustizzja ma’ min ikun involut f’korruzjoni jew f’ħasil tal-flus.
Il-Kap tad-Delegazzjoni, l-MEP David Casa, li attenda għas-seduta sħiħa tal-Kumitat, qal li meta nqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak li qatt kellha, jiġifieri 680,000 dokument b’rabta mal-Electrogas. Hu fakkar ukoll li fir-rapport tal-FIAU li hu ppubblika, hemm bl-aktar mod ċar li għandhom jittieħdu passi kontra l-Ministru Konrad Mizzi, xi ħaġa li mhux talli qatt ma saret, iżda li l-Qorti ddeċidiet li m’għandiex tinfetaħ investigazzjoni dwar dan l-iskandlu.
L-MEP Roberta Metsola qalet li l-preżenza ta’ Matthew Caruana Galizia turi l-valuri li għandu l-poplu Malti u Għawdxi, li minkejja t-theddid u kampanji ta’ mibegħda kontra l-familja tiegħu, xorta baqgħu jiġġieldu għall-verità. Hi sostniet li l-professjoni tal-ġurnaliżmu nbidlet, filwaqt li staqsiet lill-ġurnalisti x’jaħsbu li għandu jkun ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-leġiżlatura li jmiss biex huma jkollhom l-għodod neċessarji li jinvestigaw il-kriminalità, b’mod partikolari dik finanzjarja.
L-MEP Francis Zammit Dimech tkellem dwar il-fatt li r-rapport tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant baqa’ ma ġiex ippubblikat, kif ukoll dwar il-limitazzjonijiet tas-sistema ġudizzjarja f’Malta, fejn, per eżempju, jekk persuna titlob li tinfetaħ investigazzjoni, hemm bżonn livell ogħla ta’ prova minn ċirkustanzi fejn il-Pulizija tiftaħ investigazzjoni. Fid-diskors tiegħu, hu rrefera wkoll għal artiklu f’The Sunday Times tar-Renju Unit li jsellem il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u jispjega kemm il-ġurnalisti għandhom sfidi iebsa biex jippubblikaw il-verità.
//= $special ?>