Futbol Sport

PSG ipoġġu lil Manchester United lura għar-realtà b’rebħa meritata f’Old Trafford

MANCHESTER UNITED…………….. 0

D. De Gea, A. Young, E. Bailly, V. Lindelof, L. Shaw, N. Matic, A. Herrera, P. Pogba, J. Lingard (A. Sanchez 45+3), A. Martial (J. Mata 46’), M. Rashford (R. Lukaku 84’)

PARIS SAINT-GERMAIN……………. 2

G. Buffon, T. Kehrer, T. Silva, P. Kimpembe, J. Bernat, Marquinhos, M. Verratti (L. Paredes 75’), D. Alves, J. Draxler,  A. di Maria (C. Dagba 81’), K. Mbappe

Imwissija: P. Kimpembe 11’, J. Draxler 19’, J. Bernat 34’, D. Alves 62’ (P), P. Pogba 26’, A. Young 30’, V. Lindelof 50’, A. Herrera 87’, L. Shaw 91’ (M)

Tkeċċa: P. Pogba 89’ (M)

Skorjaw: P. Kimpembe 53’, K. Mbappe 60’ (P)

Referee: Daniele Orsato (Italja)

Żewġ gowls fl-ewwel parti tat-tieni taqsima kienu biżżejjed għal Paris Saint-Germain biex jiksbu rebħa tajba f’Old Trafford li biha jibdew favoriti netti li jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja.

Għal Manchester United din kienet l-ewwel telfa minn kemm ilu li ħa t-tmexxija temporanja Ole Gunnar Solskjaer. Ir-Red Devils naqsu li jimplimentaw il-logħob offensiv tal-aħħar logħbiet, tant li kellhom biss xutt wieħed fil-lasta fil-logħba kollha.

PSG ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Angel di Maria li għadda ftit barra. Ftit wara Gianluigi Buffon kellu jdawwar f’korner xutt minn pożizzjoni angolata ta’ Marcus Rashford. L-aħjar ċans tat-taqsima seħħ fit-28 minuta fuq in-naħa ta’ PSG. Marco Verratti qassam lejn Julian Draxler li b’intelliġenza kompla lejn Kylian Mbappe iżda minn qagħda ideali xeħet barra.

PSG ħarġu aħjar fit-tieni taqsima uwara ftit pressjoni, ħolqu azzjoni perikoluża fit-53 minuta. Dani Alves krossja mil-lemin lejn Kylian Mbappe li b’daqqa ta’ ras ġiegħel lil David De Gea jdawwar f’korner b’diffikultà. Mill-istess korner mogħti minn Di Maria, PSG fetħu l-iskor, bid-difensur PRESNEL KIMPEMBE jiżmarka ruħu biex għeleb lil De Gea b’xutt mill-ewwel.

Tliet minuti wara l-Franċiżi marru viċin li jirduppjaw, b’xutt mill-ewwel ta’ Dani Alves minn barra l-kaxxa li kien imxellef u spiċċa ftit barra. Ir-reazzjoni ta’ Manchester United waslet fid-59 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Ander Herrera li għadda ftit barra.

PSG irduppjaw mas-siegħa logħob bi kross ta’ Angel Di Maria mix-xellug lejn KYLIAN MBAPPE li għamel il-ġirja u ltaqa’ mal-kross biex għeleb lil De Gea fil-baxx. Manchester United bdew jinqabdu u ssugraw li jsofru aktar gowls ftit minuti wara b’konklużjonijiet ta’ Mbappe u Juan Bernat li kienu salvati t-tnejn minn De Gea.

Ir-Red Devils spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li Paul Pogba ġie muri t-tieni karta safra fid-89 minuta għal fawl fuq Dani Alves.