Żagħżugħ ta’ 20 sena minn Ħal Qormi ġie mixli bi vjolenza domestika wara li allegatament ħebb u kkaġuna feriti ħfief fuq omm it-tifla tiegħu ta’ madwar sena u nofs. Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati.
Skont l-Ispettur Roderick Agius il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tas-6.30 p.m. fid-dar ta’ omm l-akkużat.
Il-ġuvni li ismu u dawk tal-familjari ma jistgħux jixxandru għal raġunijiet ovvji, ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, li hedded u li nġurja lil omm bintu u li sar reċediv.
L-Avukat Edward Gatt li deher għall-allegata vittma qal li omm l-akkużat ċemplet lill-omm it-tarbija u qaltilha “li jkun aħjar li ċċempel lill-Avukat tiegħek biex ikollok Pulizija skorta”.
Meta saru s-sottomissjonijiet għall-liberta’ proviżorja mitluba mill-Avukat Yanika Bugeja għan-nom l-akkużat, l-Avukat Edward Gatt qal li minkejja li dawn l-akkużi mhumiex se jfissru ħabs għall-akkużat, il-vjolenza domestika llum hija kundannata minn kulħadd u hemm ċertu riskji jekk dan jingħata l-ħelsien mill-arrest. Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża ta’ intraċċ tal-provi.
Il-Maġistrat staqsa jekk l-akkuħat għandux impieg, u hawn ħareġ li huwa jaħdem bħala pastizzar.
L-akkużat ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €4,000 u garanzija ta’ terz, li se tagħmel tajjeb għaliha ommu ta’ €5,000.
//= $special ?>