Futbol Sport

Augusto Caseres ta’ Senglea Athletic jirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Jannar

L-attakkant ta’ Senglea Athletic Augusto Caseres rebaħ l-unur tal-Plejer tax-Xahar fl-ewwel xahar tas-sena l-ġdida. Senglea kellhom bidu mill-aqwa għas-sena 2019 hekk kif rebħu l-logħbiet li lagħbu f’Jannar, b’tim kompletament mibdul minn tal-ewwel rawnd.

Caseres skorja fiż-żewġ logħbiet ta’ Senglea f’dan ix-xahar. Hu sab ix-xibka fir-rebħa tat-tim tal-Isla kontra Qormi 4-0 meta rċieva mingħand Leighton Grech u għeleb lil Jamie Azzopardi b’daqqa ta’ ras. Fit-tieni logħba tat-tieni rawnd, Senglea rebħu 3-0 kontra Mosta. Caseres kien fetaħ l-iskor fir-raba’ minuta meta sab l-ispazju fil-kaxxa ta’ Mosta u wara passaġġ ta’ Gonzalo Leyton għeleb lil Andreas Vella.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u Marketing tal-BOV Charles Azzopardi ppreżenta t-trofew tal-Plejer tax-Xahar lil Caseres. Hu għażel lil Creche tal-Ursolini biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.