Dalgħodu, studenti tas-sekondarja kienu għaddejjin bl-eżamijiet tagħhom; fosthom studenti tal-ħames sena li għalihom dawn huma l-‘mocks’ jew aħjar l-aħħar eżamijiet ta’ qabel dawk li jissejħu SEC.
Skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, dawn l-istudenti sabu ma wiċċhom il-karta tal-eżami tal-Malti li hi copy u paste tal-karti tas-sena l-oħra u tas-sena ta’ qabel. L-istess komponimenti, l-istess komponimenti letterarji, kollox l-istess.
Bħala prassi, l-għalliema jkunu użaw dawn il-karti tal-eżamijiet tas-snin mgħoddija biex jagħmlu reviżjoni tax-xogħol fl-aħħar ġranet qabel l-eżamijiet. Dawn l-istess eżamijiet jintużaw ukoll bħala kejl biex l-istudenti jkollhom idea ta’ kif se jmorru fl-eżamijiet tas-SEC. Iżda naturalment, dan il-kejl issa mhu se jkun indikattiv xejn meta wieħed iqis il-metodu kif qed jiġu eżaminati l-istudenti.
Jidher ċar li l-awtoritajiet, meta sab ruħhom darhom mal-ħajt, ħa l-aktar triq faċli u kkopja l-karta tal-eżami tal-aħħar sentejn biex fassal il-karta ta’ din is-sena.
Dan sar ukoll bil-karti tal-eżami tal-matematika għall-istudenti tat-3, ir-4 u l-5 sena tas-Sekondarja, li ttieħdu minn karti tal-aħħar ftit snin, bl-istess numri u l-istess mistoqsijiet.
Dan qed jiġri wara li l-Gvern ilu x-xhur jinjora l-ilmenti tal-għalliema dwar ix-xogħol tagħhom u wara li l-MUT spiċċat kellha toħroġ aktar direttivi biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-edukaturi.
Din hija iktar indikazzjoni tal-kriżi serja li qed tiffaċċja l-edukazzjoni f’pajjiżna u turi kif il-Gvern nesa għal kollox dan il-qasam tant importanti għall-familja Maltin u għall-futur ta’ pajjiżna. Minkejja dan kollu, fl-aħħar jiem, il-Ministru Evarist Bartolo baqa’ jaġixxi donnu xejn mhu xejn.
//= $special ?>