Ewropa Għawdex Lokali Unjoni Ewropea

Għawdex għandu bżonn soluzzjoni issa, mhux 10 snin oħra – Casa

L-Għawdxin m’humiex ċittadini tat-tieni klassi. Dan il-Gvern ilu jagħlaq għajnejh għall-problema ta’ konnessjoni bejn Malta u Għawdex għal snin sħaħ, u qed jinjora dak li jridu jgħaddu minnu tant Għawdxin ta’ kuljum fejn iridu jdumu is-siegħat biex jaslu minn naħa għall-oħra.

Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa. Fi stqarrija, hu qal li lil hinn minn mina fil-baħar jew bridge permanenti, irridu nsolvu l-problema issa, billi jinġieb ir-raba’ vapur għall-Gozo Channel. Dan huwa l-ewwel pass biex intaffu l-problemi ta’ dewmien u ta’ frustrazzjoni ġustifikata għal dawk li jridu jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum, u jridu jqattaw siegħat sħaħ f’kjuwijiet ma jispiċċaw qatt, speċjalment fi tmiem il-gimġħa.

Għalkemm il-pjan ta’ link permanenti huwa pożittiv, sostna Casa, dan għadu fi stadju ta’ pjanar u jinsab snin ‘il bogħod. Irridu azzjoni konkreta issa, mhux minn hawn u 10 snin oħra, u għalhekk irridu nieħdu passi biex ir-riżorsi tal-Gozo Channel jitjiebu, jiġu mmodernizzati u l-iżjed importanti – jinkiseb ir-raba vapur.

L-MEP Casa talab lill-Gvern biex minnufih jibda preparamenti biex jikseb ir-raba’ vapur għall-Gozo Channel. U sostna li qiegħed jikkommetti ruħu biex jaħdem biex jinkisbu fondi Ewropej li jistgħu jintużaw għal dan il-għan, bħalma ntuża b’suċċess il-fond ta’ koeżjoni fil-bini tat-terminal taċ-Ċirkewwa. B’hekk tissolva din il-problema u jsir disponibbli mill-ewwel ir-raba’ vapur, għall-benefiċċju tal-familji Għawdxin, temm jgħid Casa.