Futbol Sport

Icardi jitneħħa minn captain ta’ Inter u mhux se jilgħab kontra Rapid Vienna

(Ritratt: EPA)

F’aħbar li ttieħdet bħala sorpriża, Inter ħadu d-deċiżjoni li l-attakkant Mauro Icardi ma jibqax il-captain tat-tim, bil-gowlkiper Samir Handanovic jingħażel bħala l-captain il-ġdid. Jidher li din id-deċiżjoni kienet motivata minn diversi spekulazzjoni dwar it-tiġdid tal-kuntratt tal-aħjar skorer tat-tim f’dan l-istaġun.

Prattikament kull staġun, Icardi permezz tal-mara u l-aġent tiegħu Wanda Nara, ikun f’negozjati biex il-kuntratt tiegħu jiġġedded filwaqt li jikber is-salarju tiegħu. Minn kemm ilhom li feġġew dawn l-ispekulazzjonijiet u aħbarijiet, il-forma ta’ Icardi ma’ Inter naqqset, tant li ilu ma jiskorja seba’ logħbiet fil-kampjonat. Jidher li din il-pressjoni kontinwa għal kuntratt ġdid ma niżlet xejn tajjeb mat-tmexxija tal-klabb Taljan.

Mauro Icardi mhux se jkun disponibbli għall-konfront mill-ewwel leg tal-aħħar 32 tal-Europa League kontra Rapid Vienna. Dan hekk kif minkejja li kien imsejjaħ fl-iskwadra mill-kowċ Luciano Spalletti, Icardi għażel li ma jmurx mal-iskwadra ta’ 19-il plejer.