Lokali

Il-Bank Ċentrali għandu jippreserva l-indipendenza u l-kredibbiltà tiegħu

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bla dubju hu wieħed mill-aktar istituzzjonijiet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur ekonomiku u finanzjarju ta’ pajjizna – istituzzjoni li għandha dejjem iżżomm l-indipendenza u l-kredibilità, anke minħabba r-rabta li teżisti mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Dan qaluh fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco u Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni – stqarrija maħruġa mill-PN wara li ġew żvelati dettalji ġodda dwar il-party tal-Milied li fih sar kant partiġjan minn numru ta’ impjegati. Storja li oriġinarjament kienet żvelata fil-programm ‘Sorsi Infurmati’ fuq NET TV.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta huwa korp indipendenti għal kollox, anke skont ligijiet Ewropej. U fid-dawl ta’ dan, ir-rapporti mill-midja dwar kant mill-ħaddiema ta’ dan il-Bank bl-ghajta ‘Viva l-Lejber’ waqt il-festin tal-Milied, huma allegazzjonijiet serji.

Dawn l-allegazzjonijiet ġew ikkonfermati mill-ġdid minn xhud li kien fil-post, u li tkellem mal-MaltaToday – xiehda li twaqqa’ ghal kollox iċ-ċaħda li kienet saret ftit jiem ilu mill-Bank Ċentrali.

L-istqarrija tal-PN tgħid illi l-Bank Ċentrali falla milli jippreserva l-indipendenza tiegħu… u qed ikun akkużat b’tentattiv ta’ cover up. Dawn huma żewġ akkużi serji ħafna.

Min-naħa l-oħra…. għandna silenzju assolut mill-Ministru tal-Finanzi dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li dak illi l-MaltaToday tiddeskrivih “il-maskot tal-media Laburista”, Karl Stagno Navarra, prova jwaqqa’ l-fatti kif ġraw verament – biex issa spiċċa imgiddeb minn sorsi indipendenti.