Lokali

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni rċieva 23 ilment ta’ aggressjoni fuq l-edukaturi fi ftit iktar minn xahar

Sa mill-bidu ta’ din is-sena, jiġifieri fi ftit iktar minn xahar, il-Ministeru tal-Edukazzjoni rċieva xejn inqas minn 23 ilment dwar aggressjonijiet fuq għalliema fl-iskejjel tal-Gvern.

Dan joħroġ minn mistoqsija parlamentari li għamel Clyde Puli, Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni, lill-Ministru Evarist Bartolo.

Fir-risposta tiegħu joħroġ li f’dan il-perjodu, kien hemm disa’ każi ta’ vjolenza fuq l-edukaturi, f’xahar biss … u dawn huma biss il-każi li ġew rappurtati.

Iċ-ċifri inkwetanti jkomplu jikkonfermaw dak li ilha xhur tgħid il-Union tal-Għalliema, l-MUT, li fi stħarriġ li għamlet sabet kif 87% tal-edukaturi f’pajjiżna sofrew attakki fiżiċi jew verbali minn studenti, ġenituri jew kollegi.

Minn dawn, kważi kwart jiddikjaraw li jirċievu abbuż ta’ kuljum, waqt li wieħed min kull erbgħa jirċievu abbuż ta’ kull ġimgħa.

Fost l-aktar każijiet riċenti hemm dak li seħħ fl-Iskola ta’ Pembroke – każ li spiċċa quddiem il-Qorti meta ġenitur u qarib ta’ student li kien qed jiġi bullied ferew lil żewġ Edukaturi.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru Evarist Bartolo qed jipprova jimminimizza din il-problema, kif ħareġ biċ-ċar minn kummenti lill-midja meta ffaċċjat mill-mistoqsijiet dwar il-qagħda mwegħra fis-settur tal-edukazzjoni.

L-MUT issa ilha għall-aħħar xhur tisħaq li s-sitwazzjoni tant hi ħażina, li hemm bżonn ikun hemm sigurtà mal-iskejjel.