Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista ser jgħin sabiex jitwassal il-messaġġ tal-għalliema” – Adrian Delia

“Il-kriżi fis-settur edukattiv qed tispiċċa taffettwa lill-istudenti u lill-għalliema – edukaturi qed jitilqu mis-settur, filwaqt illi L-ISCHOOL LEAVERS mhumiex jonqsu”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ mal-Union of Professional Educators, il-UPE – laqgha li saret fid-Dar Centrali tal-PN.

Waqt din il-laqgħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-klassijiet iffullatti li qed iwasslu biex studenti fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar ikollhom jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners.

Adrian Delia enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ aktar rispett lejn l-għalliema u l-edukaturi speċjalment meta dawn huma l-bażi tas-sistema edukattiva f’pajjiżna. Spjega ukoll kif il-Gvern għandu jikkonsulta mal-għaqdiet tal-għalliema qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, u mhux jiġu injorati.

Il-Kap tal-PN stqarr kemm hu inkwetanti l-ammont ta’ għalliema li qed jitilqu minn xogħolhom u kemm studenti qed jagħżlu li jkomplu jistudjaw sabiex jilħqu għalliema.

Il-membri tal-UPE spjegaw kif dawn l-aħħar ġimgħat kienu ta’ impenn kbir għalihom minħabba l-ammont ta’ nies li qed iċemplulhom jinkwetaw fuq dak li għaddej bħalissa fl-iskejjel. Tkellmu kif il-Gvern għandu jagħmel kampanja sabiex wieħed japprezza il-vokazzjoni ta’ għalliem.

Tennew li jixtiequ jaraw inċentivi sabiex l-istudenti jkollhom għajnuna finanzjarja waqt teaching practice u għandhom jingħataw is-sapport kollu u mhux isibu bibien magħluqa meta jfittxu l-għajnuna.

L-aktar ħaġa li qed tinkwieta lill-UPE hija li minħabba dan kollu li qed jiġri bħalissa fejn tidħol l-edukazzjoni, ser jasal żmien partikolari fejn l-Universita’ mhux se tibqa’ tħajjar studenti għall-korsijiet ta’ għalliema.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, Herman Schiavone kelliem tal-Oppożizzjoni dwar djalogu soċjali, volontarjat u s-soċjetà ċivili u l-kuntatt man-nies, l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila u l-Kandidat tal-PN Justin Schembri.