Lokali

“Insaħħu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jawgura l-akbar suċċess lil Michela Pace

“L-artisti Maltin u Għawdxin jixirqilhom l-aqwa riżorsi li jgħinuhom sabiex isaħħu u jkabbru t-talent tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-aħjar mod. Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ tagħna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ mar-rebbieħa tal-X Factor Malta Michela Pace.

Adrian Delia qal li japprezza s-sagrifiċċji li jagħmlu l-artisti Maltin u Għawdxin sabiex jesprimu u jkabbru t-talenti tagħhom mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll fix-xenarju internazzjonali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ impenjat sabiex ikun hawn aktar opportunitajiet li jservu bħala vetrina għat-talent tal-artisti lokali kollha. Dan għaliex l-irwol tal-politikanti huwa li joħolqu l-pjattaformi kollha biex l-kantanti lokali jkunu jistgħu jimirħu lokalment u internazzjonalment, u już ikollhom karriera ta’ suċċess bit-talent tagħhom.

Michela Pace rebħet l-ewwel edizzjoni tal-X Factor Malta fl-età ta’ 18-il sena, u se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eurovision Song Contest li se jsir f’Mejju li ġej f’Tel Aviv fl-Iżrael. Adrian Delia faħħar l-organizzazzjoni tal-X Factor Malta u qal li dan l-ispettaklu serva ta’ vetrina għall-kapaċitajiet tagħna l-Maltin.

Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia awgura kull suċċess lil Michela Pace kemm għall-Eurovision kif ukoll għall-karriera personali tagħha. Dr Delia innota d-determinazzjoni u l-intelliġenza ta’ Michela Pace, li ddeskriva bħala kwalitajiet importanti u li se jgħinuhom tasal ferm ‘il quddiem fil-karriera tagħhom u li tkun ukoll ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ l-oħra.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-PBS Anthony Portughese, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli u l-organizzatur tal-X Factor Malta Anton Attard.