Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Ir-rata tal-parteċipazzjoni fl-iscreening għall-kanċer trid tissaħħaħ – Zammit Dimech

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech jindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew

L-aktar mediċina ġdida għandha tkun disponibbli

Irridu nassiguraw li s-servizzi tal-iscreening mhux biss ikunu disponibbli, imma li r-rata tal-parteċipazzjoni tkun għolja wkoll. Hu għalhekk li hemm bżonn li jiżdied l-għarfien. L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu mal-Kummissarju għas-Saħħa Vytenis Andriukatis dwar sfidi u strateġija kontra l-kanċer fuq in-nisa.

Zammit Dimech qal li grazzi għall-professjonisti, Malta għandha rata ta’ sopravivenza ta’ 87% f’dak li għandu x’jaqsam mal-kanċer tas-sider. Hu qal li hemm bżonn ta’ aktar investiment li jkun ta’ appoġġ għal dawn ir-riżultati, u li jgħin il-Breast Cancer Unit li hu diġà ċċertifikat mill-Breast Cancer Network biex jiżviluppa aktar u jieħu in konsiderazzjoni l-linji gwida tas-Soċjetà Ewropea tal-Ispeċjalisti tal-Kanċer tas-Sider (EUSOMA).

Zammit Dimech, membru tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ MEPs kontra l-Kanċer, qal li l-Gvern għandu wkoll jassigura li l-aħħar ġenerazzjoni ta’ vaċċini jkunu disponibbli bil-għan li jkun hemm aktar prevenzjoni tal-kanċer. Aktar kmieni din il-ġimgħa, tqajmu dubji dwar l-użu tal-vaċċini tal-kanċer ċervikali, fejn intqal li vaċċini aktar moderni joffru aktar protezzjoni. Anke l-Kummissarju Andriukatis tkellem dwar l-importanza tal-vaċċini fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Zammit Dimech irringrazzja l-NGOs fil-qasam tal-kanċer għall-ħidma tagħhom. Hu qal li matul is-snin, l-NGOs tal-kanċer saħħew b’mod eċċellenti s-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Hu żied jgħid li grazzi għall-assistenza mill-professjonisti u l-voluntiera, dawn l-NGOs ingħataw esperjenza u kompetenza kbira, u għalhekk hu kruċjali li dawn l-NGOs ikunu nvoluti fl-iżvilupp ta’ policies Ewropej fl-oqsma tas-saħħa u l-kanċer.

Zammit Dimech qal li l-ġlieda kontra l-kanċer m’għandhiex tkun ta’ stat membru wieħed jew tal-ieħor. Hemm bżonn ta’ approċċ mill-UE jekk l-Ewropa trid li tilħaq il-mira ambizzjuża li teqred il-kanċer fi żmien 20 sena. Dwar dan, Zammit Dimech tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-programm ta’ riċerka Horizon jinkludi riċerka fuq il-kanċer, b’mod partikolari li tingħata attenzjoni lir-riċerka tal-kanċer fit-tfal u għal aktar skambju ta’ għarfien bejn ix-xjentisti Ewropej.

Fil-Jum Dinji tal-Kanċer, Francis Zammit Dimech nieda l-ewwel sett ta’ proposti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer. Il-proposti jinkludu li jkunu promossi stili ta’ ħajja b’saħħithom u anke dieti, kif ukoll li jingħata appoġġ fiżjoloġiku lill-pazjenti kemm waqt it-trattament kif ukoll wara. Zammit Dimech irringrazzja lill-pazjenti, professjonisti, xjentisti u NGOs li tkellmu miegħu u tawh ir-rispons tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza aktar laqgħat ta’ konsultazzjoni u se jniedi aktar proposti fil-jiem li ġejjin. Waqt id-dibattitu, l-Kummissarju Andriukatis appella biex is-suġġett tal-kanċer jingħata importanza fid-dibattitu politiku għall-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.