Illum il-ġurnata lanqas min jaħdem ma għadu jista’ jserraħ rasu li mhux se jispiċċa jgħix barra, fit-triq.
Din il-problema kienet fost id-diversi temi li dwarhom tkellem Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv ta’ YMCA Malta, hekk kif it-Tlieta kien mistieden fil-programm Net Live.
Jiddikjara li anke min jaħdem xogħol full time jew min xogħol part time qed isibha diffiċli li jlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja.
Il-problema tant kibret li minkejja li l-YMCA tista’ toffri saqaf ghal 30 persuna, ta’ kuljum qed ikollhom ukoll ħames talbiet oħra li jispiccaw jirrifjutaw. Dan apparti li joffru servizzi ta’ ikel, ħwejjeġ u terapija lil persuni fil-bżonn u li ma jaffordjawhomx.
Il-problema tant kibret u l-prezz tal-kirjiet tant żdied li l-YMCA kellha testendi l-perjodu li wieħed jgħix għandha għal tmintax-il xahar. Minkejja li dawn il-familji ġew megħjuna biex ifaddlu xi ħaġa, xorta m’għandhomx biżżejjed.
Riċerka li saret fl-aħħar xhur turi li bħalissa f’Malta, għallinqas dawk li l-awtoritajiet jafu bihom, hawn 300 jghixu f’karozza u 27 persuna li qed jgħixu barra fit-triq. Magħhom jiżdiedu mijiet li jgħixu f’garaxxijiet.
F’pajjiżna għandna mat-3,200 persuna li qed jistennew post tal-housing, bil-Gvern Laburista li għadu ma lestiex apartament wieħed biex iservi bħala akkomodazzjoni soċjali.
Riċerka li għamlet il-YMCA turi wkoll li persuna li jaqla’ minimum wage €750 u li jikri proprjetà li skont il-medja tal-2018 tlaħħaq il-€550 kull xahar, qed ikollu jgħix bi ftit iktar minn sitt ewro u nofs kuljum.
B’dan biss, dak li jkun irid ilaħħaq ukoll mal-ispejjeż tal-ikel u affarijiet oħra bażiċi li jiggarantixxu l-minimu ta’ ħajja diċenti.
//= $special ?>
