Lokali

Laqgħa mill-isbaħ għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema m’għandux biżżejjed fondi sabiex ikun jista’ jkompli bil-proġetti tiegħu fosthom li jirranġa l-istat diżastruż li tinsab fih Triq it-Torri. Dan minħabba li l-fondi ttieħdu mill-Gvern, li minn naħa tiegħu qed jinjora l-bżonnijiet tan-nies f’Tas-Sliema.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia waqt żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu f’Tas Sliema. Hu qal li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema huwa qrib in-nies u lest jirrispondi lill-ħtiġijiet ta’ kulħadd … iżda dan mhux qed ikun possibbli minħabba li l-Kunsill Lokali m’għandux fondi.

Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo, il-President tal-Kunsill Generali Kristy Debono, id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder, is-Sindku Anthony Chircop, kunsilliera, kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar diversi djar, u ltaqa’ ma’ bosta sidien ta’ ħwienet u stabbilimenti fit-triq prinċipali f’Tas Sliema fejn magħhom tkellem dwar kif sejjer in-negozju tagħhom,  l-isfidi u l-problemi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’xogħolhom.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar in-nies tal-lokal li jinsabu fgati fir-residenza tagħhom stess minħabba li mhumiex qed jiġu avżati bi żvilupp li jkun se jsir. Hu qal li għandu jintlaħaq bilanċ sabiex mill-iżvilupp igawdi mhux biss dak li jkun qed jagħmlu iżda wkoll il-lokalità kollha.