Lokali

“Li jkollok saqaf fuq rasek huwa dritt” – Adrian Delia, Kap tal-PN

“Li jkollok saqaf fuq rasek hu dritt u mhux rigal”.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ffoka d-diskors tiegħu f’San Ġwann fuq il-problemi soċjali li sfortunatament qed jiddominaw lil pajjiżna u lill-familji Maltin u Għawdxin.

Problemi li mhux talli se jissolvew iżda se jkomplu jikbru għax il-Gvern deċiż li jkompli jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni.

Adrian Delia fakkar kif il-Partit Nazzjonalista diġa’ ta garanzija li kull Malti u Għawdxi jkollu saqaf fuq rasu, għall-kuntrarju tal-Gvern li qed jagħti garanzija li iktar nies se jispiċċaw fi problemi soċjali.

Fl-istess waqt il-Gvern li jrid ikabbar il-popolazzjoni ma ħasibx għall-problemi li dan kollu jġib miegħu, fost oħrajn ma ħasibx għas-settur tal-edukzzjoni li jinsab mingħajr għalliema u klassijiet biżżejjed.

Adrian Delia qal li dan joħroġ biċ-ċar mill-ammont ta’ persuni u familji li qed javviċinawh u jitolbuh l-għajnuna.

Sadattant, l-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem ħarġet proposti kemm għall-akkomodazzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni inġenerali, kif ukoll dwar l-edukazzjoni, l-ambjent, is-saħħa u setturi importanti oħra.