Futbol Sport

Marco Asensio jpoġġi lil Real Madrid f’sitwazzjoni aktar favorevoli

AJAX…………………………………. 1

A. Onana, N. Mazraoui, M. de Ligt, D. Blind, N. Tagliafico, L. Schöne (K. Dolberg 73’), F. de Jong, D. van de Beek, H. Ziyechm D. Neres, D. Tadic

REAL MADRID…………………. 2

T. Courtois, D. Carvajal, N. Fernandez, S. Ramos, S. Reguilon, Casemiro, L. Modric, T. Kroos, G. Bale (L. Vazquez 61’), V. Junior (M. Diaz 81’), K. Benzema (M. Asensio 73’)

Imwissija: H. Ziyech 53’ (A), S. Reguilon 70’, L. Vazquez 83’, S. Ramos 90’ (R)

Skorjaw: K. Benzema 60’, M. Asensio 87’ (R), H. Ziyech 75’ (A)

Referee: Damir Skomina (Slovenja)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Marco Asensio ta’ rebħa importanti lil Real Madrid fil-Johann Cruyff Arena. Ajax kienu qed jilagħbu f’din il-fażi għall-ewwel darba fi 13-il sena u ħabbtu mhux ftit liċ-champions Ewropej għal ħinijiet twal.

Minkejja li Ajax kellhom aktar inizjattiva fl-ewwel minuti tal-logħba, Real Madrid ħolqu l-ewwel serja tal-logħba wara 14-il minuta, b’xutt ta’ Vinicius Junior li kien imdawwar f’korner bi bravura minn Andre Onana. Ajax marru qrib il-gowl tal-vantaġġ fis-26 minuta b’xutt sabiħ ta’ Dusan Tadic li stampa mal-wieqfa.

L-Olandiżi kienu għoddhom marru fil-vantaġġ fl-40 minuta. Minn korner mil-lemin, Thibaut Courtois naqas li jżomm id-daqqa ta’ ras tad-difensur Matthijs de Ligt, bil-ballun spiċċa għand Nicolas Tagliafico li bir-ras għeleb lill-gowlkiper Belġjan. Ir-referee Damir Skomina mar jara l-VAR minħabba suspett ta’ offside u ħassar il-gowl minħabba li Dusan Tadic li kien f’pożizzjoni ta’ offside, ostakola l-ħarġa ta’ Courtois.

Iċ-champions Ewropej marru fil-vantaġġ mas-siegħa logħob. Kienet azzjoni tajba mix-xellug ta’ Vinicius Junior li daħal fil-kaxxa u qata’ għan-nofs biex fetaħ lejn KARIM BENZEMA li sab il-ballun quddiemu u għeleb lil Onana b’xutt mill-isbaħ.

Ajax ġabu d-draw fis-75 minuta meta Toni Kroos tilef il-pussess tal-ballun, David Neres irċieva passaġġ fuq ix-xellug u krossja fil-baxx għan-nofs lejn HAKIM ZIYECH li b’konklużjoni mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Courtois min-nofs il-kaxxa l-kbira.

Real Madrid skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-87 minuta bi kross ta’ Dani Carvajal mil-lemin li għadda tul il-lasta, bis-sostitut MARCO ASENSIO jieħu vantaġġ mill-ħarġa difettuża ta’ Onana u skorja f’lasta vojta. Fil-ħin miżjud, is-sostitut Kasper Dolberg kellu opportunità li jġib id-draw iżda kien imwaqqaf fil-ħin minn Sergio Ramos.