Formula 1 Sport

Mercedes jittamaw li l-karozza W10 tkompli d-dominanza tal-aħħar snin

Mercedes żvelaw il-karozza tagħhom W10 bi preparazzjoni għall-istaġun il-ġdid, bit-tama li jkomplu jiddominaw il-Formula 1. Minn kemm ilha l-era hybrid fl-2014, Mercedes mhumiex megħluba f’taqtigħa għall-kampjonat. Il-mira tagħhom hi ċara, dik li jsiru l-ewwel tim fl-istorja tal-Formula 1 li jirbaħ sitt titli tas-sewwieqa u l-kostrutturi b’mod konsekuttiv.

Jekk Mercedes jittamaw għal dan ir-rekord, Lewis Hamilton qed ifittex li jsir biss it-tieni sewwieq li jirbaħ sitt kampjonati tad-dinja. Is-sewwieqa kienu konfermati mill-istaġun li għadda, bil-Finlandiż Valtteri Bottas isuq il-karozza l-ġdida lbieraħ filgħodu f’Silverstone.

Hamilton kiseb il-11-il rebħa ta’ Mercedes fl-istaġun li għadda, bil-Britanniku ta’ 34 sena jitqies bħala d-differenza fit-taqtigħa ta’ Mercedes ma’ Ferrari.

Il-Kap tat-tim Toto Wolff qal li huma jridu jibdew mix-xejn u jridu jippruvaw is-saħħa tagħhom għal darba oħra. “Bit-tibdil fir-regolamenti għall-istaġun il-ġdid, kull tim jista’ jisfida għat-titlu u qed naraw lil kulħadd bħala theddida.”

Mercedes bdew il-ħidma fuq il-karozza lejn tmiem l-2017. Il-Kap Tekniku James Allison indika li l-attenzjoni tat-tim hi biex jeradikaw uħud mill-problemi li kellhom fit-tyres mingħajr ma jnaqqsu s-saħħa tagħhom.