Il-klabb tal-Ewwel Diviżjoni Pembroke Athleta ppreżentaw l-akkwisti li għamlu fix-xahar ta’ Janar. Pembroke bħalissa jinsabu f’nofs il-klassifika b’20 punt u l-għan prinċipali tagħhom hu li jżommu posthom fid-diviżjoni. Bħalissa huma jinsabu erba’ punti fuq Mqabba li jinsabu fil-post tal-play-off.
Pembroke akkwistaw lill-Ispanjol Eduardo Vallecillo Casado u l-Brażiljan Oliveira Santos Joao Pedro u ngħaqdu mal-barranin Gustavo Da Silva u Moacir Williamsen. Bħala plejers Maltin akkwistaw lill-gowlkiper Philip Schranz mingħand Birkirkara u lil Aidan Mizzi mingħand Melita. Huma rrilaxxaw liż-żewġ gowlkipers Antonio Chetcuti u Ryan Marmara u lil Maxim Focsa.
Il-President tal-klabb Alex Calleja rringrazzja lill-kowċ preċedenti Joe Grech tas-servizz li ta lill-klabb. Minfloku nħatar Brian Spiteri, b’Jeffrey Mifsud se jkun l-assistent kowċ filwaqt li Mike Tabone hu l-kowċ tal-gowlkipers. Jacques Scerri nħatar konsulent tekniku tal-klabb fejn se jkun responsabbli mis-settur kollu tal-klabb.
Calleja rringrazzja lill-isponsors Go and Fun, General Soft Drinks u Full Marks bid-ditta Joma. Il-President tal-klabb stieden lil kulħadd għal attività ta’ ġbir ta’ fondi l-Ħadd li ġej fil-grawnd ta’ Pembroke. Din l-attività se ssir biex tingħata għajnuna lil tifel tal-istess nursery li bħalissa għaddej minn trattament intensiv għal marda li ħakmitu. L-attività se ssir bejn l-10.00am u s-1.00pm.
//= $special ?>