Formula 1 Sport

Racing Point jibdew era ambizzjuża

Racing Point żvelaw uffiċjalment l-era l-ġdida tagħhom hekk kif ħabbru l-karozza li biha jittamaw li jirritornaw għall-aħjar riżultati tagħhom. It-tim li fil-passat kien magħruf bħala Force India żvela l-karozza f’attività fil-Kanada, pajjiż is-sid il-ġdid tagħhom Lawrence Stroll.

Il-Kap tat-tim Otmar Szafnauer qal li l-pjan fit-tul hu li jwassal lit-tim fil-quċċata tal-isport. Hu jqis din is-sena bħala importanti hekk kif saħaq li qed jibnu l-pedamenti.

Force India kellhom żewġ staġuni mill-aqwa hekk kif spiċċaw fir-raba’ post fl-istaġuni tal-2016 u tal-2017, iżda problemi finanzjarji wasslu biex it-tim daħal f’amministrazzjoni s-sajf li għadda, qabel konsorzju mmexxi minn Stroll salva lit-tim.

Sergio Perez li se jibda s-sitt staġun mat-tim, se jkollu miegħu l-eks sewwieq ta’ Williams Lance Stroll li hu iben is-sid tal-klabb. Is-sena l-oħra, Perez kien l-uniku sewwieq minbarra l-ewwel tliet timijiet li kiseb podju. “Qed nimmiraw għal tal-anqas ir-raba’ din is-sena. Inkun veru kuntent kieku jista’ jkollna xi podju u għaliex le, l-ewwel rebħa flimkien,” qal Perez.

Aspett ta’ identita li baqa’ mill-era preċedenti kien il-kulur roża fuq il-karozza, idea li kienet introdotta fl-2017. Il-blu żdied ukoll fuq il-karozza għal SportPesa li hi l-kumpanija li ffirmat ftehim biex daħlet sħab mat-tim. Il-karozza bl-isem RP19 se tidher għall-ewwel darba fl-ewwel ġurnata tat-testijiet f’Barcelona nhar it-Tnejn.