Zammit Dimech jinsisti li l-passaport ma jingħatax lil min m’għandux rabta ġenwina ma’ Malta
Rapport tal-Parlament Ewropew li ġie approvat fis-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu jkompli jżid il-pressjoni fuq il-Gvern Malti b’rabta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Dan hekk kif dan ir-rapport jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea tidħol fid-dettall tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech insista li l-passaport m’għandux jingħata lil min ma jkollux rabta ġenwina mal-pajjiż. Hu fakkar li ilu jgħid li rapport wara l-ieħor dwar in-nuqqas ta’ trasparenza ta’ din l-iskema se jpoġġu lil Malta f’dell ikrah.
Fid-diskors tiegħu fil-Plenarja, Francis Zammit Dimech fakkar fl-allegazzjonijiet ta’ tixħim dwar din l-iskema, iżda minkejja dan kollu, l-Gvern Malti qed jibqa’ jinsisti li jbigħ il-passaporti.
🇲🇹 citizenship = 🇪🇺 citizenship@FrancisZD: "Granting citizenship without a real link to our country is simply not on."
Watch 👇 pic.twitter.com/4f2gwkm7ms
— EPP_MT 🇲🇹 (@EPP_MT) February 12, 2019
Fl-2014, il-Parlament Ewropew kien ħa pożizzjoni ċara kontra l-bejgħ tal-passaport Malti, u dan peress li dan il-bejgħ jimmina ċ-ċittadinanza Ewropea. Fl-aħħar ġimgħat, anke l-Kummissjoni Ewropea qalet li ma tapprovax din l-iskema, biex aktar kmieni din il-ġimgħa, riżoluzzjoni oħra tal-Parlament Ewropew qed tinsisti li l-Gvern Malti jwaqqaf din l-iskema.
Francis Zammit Dimech qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefendi l-valuri Ewropej li huma tant għeżież għall-poplu Malti u Għawdxi. “Ejja ma npoġġux kollox f’riskju wara li tant ħdimna għal dawn il-valuri u d-drittijiet li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġabet magħhom,” insista Zammit Dimech.
//= $special ?>