Red Bull żvelaw il-karozza RB15 li biha se jikkompetu f’dan l-istaġun tal-Formula 1. Id-disinn u l-kuluri tal-karozza huma differenti minn dawk tradizzjonali, b’Red Bull jiddeskrivu l-kuluri blu u aħmar tal-karozza bħala disinn ta’ darba.
Din mhux l-ewwel darba li Red Bull ħolqu sorpriża fit-tnedija tal-karozza l-ġdida. Is-sena l-oħra l-karozza kienet ta’ lewn iswed skur u blu, qabel reġgħu lejn il-kuluri tradizzjonali qabel il-bidu tat-testijiet. Sitwazzjoni simili kienet fl-2015 b’disinn camouflage biex ma jiżvelawx is-sigrieti fl-aerodynamics.
Red Bull qed jittamaw li r-relazzjoni l-ġdida ma’ Honda twassal biex it-tim jirritorna għar-rebħ tal-unuri wara li kienu ddominaw bejn l-2010 u l-2013. Fl-aħħar snin huma naqsu li jlaħħqu ma’ Mercedes u Ferrari, riżultati li wasslu biex bidlu l-magna minn Renault għal Honda. B’hekk din se tkun l-ewwel darba fi 13-il sena li Red Bull se jibdew il-kampjonat mingħajr magna Renault.
Max Verstappen għamel l-ewwel dawriet bil-karozza l-ġdida f’Silverstone fl-ewwel okkażjoni li t-tim qed isuq b’magna Honda. Verstappen rebaħ darbtejn fl-istaġun li għadda u qed jittama li s-suċċessur tal-karozza RB14 tas-sena l-oħra, tgħinu biex jisfida għar-rebħ tal-kampjonat. Is-sewwieq l-ieħor se jkun Pierre Gasly li ħa l-post ta’ Daniel Ricciardo li ngħaqad ma’ Renault.
//= $special ?>