Lokali

Titħabbar il-mewt ta’ Lino Gauci Borda

Tħabbret il-mewt ta’ Lino Gauci Borda, tabib u eks Deputat Nazzjonaista, fl-eta’ ta’ 82 sena.

Hu twieled fit-8 ta’ Diċembru fl-1936 f’Tas-Sliema. Madankollu, għall-parti kbira ta’ ħajtu għex fi Fleur-de-Lys, lokalità li dwarha kiteb ukoll il-ktieb Tentuf mill-Memorji, li fih ġabar 75 sena ta’ storja.

Lino ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi kif ukoll fl-Università Rjali ta’ Malta fejn aktar tard grawda bħala tabib tal-mediċina fl-1961.

Kien kanditat mal-Partit Nazzjonalista fis-sena 1971, fejn imbagħad serva fil-Parlament Malti mil-1976 sal-1994.

Lino jibqa’ mfakkar għall-ħidma kbira tiegħu fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera fit-tmeninijiet. Serva wkoll bħala rappreżentant reġjonali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamenentari tal-Commonwealth.

Kien ukoll President tal-Old Motors Club Malta għal 16-il sena qabel ċeda din il-kariga u baqa’ fi ħdan l-għaqda bħala President Onorarju. Matul it-terminu tiegħu kellu rwol importanti biex il-klabb kiseb post biex jużah bħala sede.

Huwa kien miżżewweġ lil Louise Ann Gauci Borda u kellhom tifla, Annabelle.

Mal-aħbar tal-mewt tiegħu, hu kien deskritt minn ħafna bħala verament politiku tan-nies u r-rispett lejh kien kbir. Ta kontribut politiku kbir fl-iktar żminijiet diffiċli u dejjem kien hemm meta l-Partit sejjaħlu.

Il-funeral tiegħu se jsir nahr is-Sibt fit-8.30 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara.