Futbol Sport

Tottenham b’tama għal rebħa f’Wembley Stadium

(Ritratt: EPA)

Il-logħba bejn Tottenham u Borussia Dortmund logħba mistennija tkun bilanċjata hekk kif it-tnejn jilagħbu stil ta’ logħob simili.interessanti. Tottenham ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi fil-Premier League u reġgħu bdew jittamaw li jistgħu jirbħu l-kampjonat minħabba li jinsabu ħames punti bogħod mill-quċċata.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Borussia Dortmund li minkejja li jinsabu fil-quċċata tal-Bundesliga, ġejjin minn żewġ draws konsekuttivi filwaqt li kienu eliminati mid-DFB Pokal kontra Werder Bremen.

Dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin erba’ darbiet fl-aħħar tliet staġuni, bil-Ġermaniżi jirbħu l-ewwel żewġ konfronti filwaqt li Tottenham rebħu l-logħbiet tal-istaġun li għadda. Borussia Dortmund rebħu l-grupp tagħhom f’dan l-istaġun filwaqt li Tottenham spiċċaw it-tieni wara Barcelona.

Ajax għandhom ostaklu pjuttost diffiċli hekk kif jilqgħu f’darhom lir-rebbieħa tal-istaġun li għadda Real Madrid. L-Olandiżi qed jippruvaw javvanzaw għall-kwarti tal-finali għall-ewwel darba wara 16-il sena. F’dan l-istaġun, Ajax spikkaw fil-fażi tal-gruppi u rnexxielhom jasu f’din il-fażi għall-ewwel darba mill-istaġun 2005/2006. L-istatistika tindika li Real Madrid huma favoriti minħabba l-istorja riċenti tagħhom.

Il-Madrileni ġejjin minn rebħa importanti fil-kampjonat kontra Atletico Madrid u jinsabu sitt punti wara l-leaders Barcelona. Ajax jinsabu fl-istess sitwazzjoni sitt punti wkoll wara PSV.

UEFA Champions League – L-aħħar 16 – I Leg

Illum: Ajax v R. Madrid 9.00pm, Tottenham v B. Dortmund 9.00pm